Macron jikkundanna r-rwol ‘kriminali’ tat-Turkija fil-Libja

Kay Nietfeld/Pool via REUTERS

Read in English.

Il-president Franċiż nhar it-Tnejn akkuża lit-Turkija talli qed timporta għadd kbir ta’ jihadisti fil-Libja, u fissret l-intervent ta’ Ankara bħala “kriminali” filwaqt li akkuża lill-President Russu Vladimir Putin għall-ambivalenza tiegħu lejn il-merċenarji Russi li qed joperaw fil-Libja.

Ir-rabtiet bejn iż-żewġ alleati tan-NATO Franza u t-Turkija marru lura f’dawn l-aħħar ġimgħat minħabba dak li qed iseħħ fil-Libja, fit-tramuntana tas-Sirja u tħaffir fil-lvant tal-Mediterran.

It-Turkija f’dawn l-aħħar ġimgħat wettqet intervent deċiżiv fil-Libja, fejn wasslet għajnuna bl-ajru, armamenti u ġellieda alleati mis-Sirja sabiex jgħinu lill-gvern rikonoxxut internazzjonalment li huwa bbażat fi Tripli jiġġieled attakk li ilu għaddej sentejn mill-mexxej militari Khalifa Haftar.

“Jiena naħseb li din hija responsabbiltà storika u kriminali għal pajjiż li jgħid li huwa membru ta’ NATO,” qal il-president Franċiż Emmanuel Macron.

Mingħajr ma pprovda evidenza dwar min huma l-ġellieda, Macron qal li t-Turkija kienet qed twassal “għajnuniet kbar” lill-jihadisti mis-Sirja.

Pariġi kienet akkużata li kienet qed tagħti appoġġ politiku lil Haftar, fejn fil-passat kienet wasslitlu għajnuna miliatri sabiex jiġġieled lill-militanti Iżlamiċi. Franza ċaħdet li qed tgħin lil Haftar iżda baqgħet lura milli takkuża lill-alleati tiegħu, speċjalment lill-Emirati Għarab Magħquda, li ssemmiet ukoll mill-Ġnus Magħquda talli kisret embargo dwar l-armamenti.

L-Armata Nazzjonali Libjana ta’ Haftar (LNA) qed ikollha l-appoġġ ta’ l-Emirati Għarab Magħquda, l-Eġittu u r-Russja. Matul dawn l-aħħar ġimgħat, uffiċjali Franċiżi qalu kemm-il darba li l-intervent tat-Turkija kien qed iħeġġeġ lir-Russja tikseb preżenza akbar fil-Libja.

Il-Korporazzjoni Nazzjonali Libjana taż-Żejt qalet li nhar il-ġimgħa, merċenarji Russi kienu daħlu fl-għalqa taż-żejt ta’ Sharara. Skond rapport tal-Ġnus Magħquda ppubblikat f’Mejju, il-kuntrattur militari privat Russu  Wagner Group kellu madwar 1,200 persuna fil-Libja.

Nhar il-Ġimgħa, Macron tkellem ma’ Putin iżda baqa’ lura milli jakkuża lil Moska bl-istess mod kif għamel ma’ Ankara. Huwa qal li ż-żewġ mexxejja qablu li għandhom jaħdmu lejn għan ewlieni li jkun hemm waqfien mill-ġlied.

Nhar it-Tnejn, Macron qal li Putin kien qallu li l-kuntratturi privati fil-Libja ma kienux qed jirrappreżentaw lir-Russja.

“Għedtlu ċar u tond li jien nikkundanna l-azzjonijiet kollha li qed iwettqu l-forzi tal-Grupp Wagner … u hu baqa’ jkun ambivalenti.”