Macron jibda jiddiskuti r-riformi mwiegħda fil-liġijiet dwar ix-xogħol

Il-President Franċiż Emmanuel Macron qed jiffaċċja l-ewwel test hekk kif il-Gvern mistenni jibda r-riforma fil-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-impjiegi.
Macron kien wiegħed “rivoluzzjoni” f’diversi oqsma, fosthom f’liġi li tagħmilha aktar faċli għal min jimpjega biex jingaġġa u jkeċċi lill-impjegati.
Il-Gvern Franċiż ħabbar l-ewwel proposti tiegħu lill-unjins, lill-mexxejja u lis-sidien ta’ organizzazzjonijiet u aktar tard lill-pubbliku inġenerali.
Minkejja r-rivoluzzjoni li wiegħed u s-sapport li kiseb, il-popularità ta’ Macron fis-sondaġġi naqset sew minn kemm ilu li ħa l-ġurament f’Mejju.
Protesti kontra dan il-pjan mistenni li jseħħu x-xahar id-dieħel. Ħafna unjins se jkunu qed jieħdu sehem, għalkemm oħrajn mhux beħsiebhom jattendu.
Ir-rata tal-qgħad fi Franza hija 9.5%, id-doppju ta’ ħafna mill-pajjiżi kbar Ewropej. Macron kien wiegħed li jnaqqas ir-rata għal 7% sal-2022.
Il-Gvern ta’ Macron qiegħed jippreżenta 60 miżura miġbura f’dokument ta’ 150 paġna.