Macron jestendi l-lockdown fi Franza sal-11 ta’ Mejju

REUTERS/Charles Platiau

Read in English.

Ilbieraħ il-President Franċiż Emmanuel Macron ħabbar li kien qed jestendi l-lockdown fi Franza sal-11 ta’ Mejju biex titwaqqaf l-imxija tal-coronavirus, filwaqt li żied li għalkemm kien hemm progress, il-battalja għadha mhux mirbuħa.

Macron segwa l-eżempju tal-Italja b’din l-estensjoni, imma ma ħabbar l-ebda llaxkar immedjat fil-miżuri restrittivi kien sar fi Spanja, u qal li s-sitwazzjoni ta’ tensjoni li hemm bħalissa fl-isptarijiet ta’ Pariġi u fil-Lvant ta’ Franza tfisser li mhux se jkun hemm tnaqqis fil-livell strett tal-miżuri fil-pajjiż. 

67 miljun persuna li jgħixu fi Franza ilhom mis-17 ta’ Marzu taħt ordni li joħorġu minn djarhom biss biex jixtru ikel, imorru għax-xogħol, jekk ikollhom bżonn kura medika jew biex joħorġu jagħmlu l-eżerċizzju waħedhom. Oriġinalment, il-lockdown kellu jispiċċa nhar it-Tlieta.

“Nifhem bis-sħiħ l-isforz li qed nitlob minn għandkom,” qal Macron meta tkellem man-nazzjon f’indirizz imxandar fuq it-televiżjoni fi tmiem ir-raba’ ġimgħa tal-lockdown, u żied jgħid li r-regoli li attwalment huma fis-seħħ jidher li qed jaħdmu.

“Meta se nkunu nistgħu nerġgħu lura għall-ħajja normali? Nixtieq ngħidilkom li għandi risposta għal dan. Imma onestament, se jkolli ngħidilkom li ma għandix risposti definittivi,” kompla jgħid.

Hu qal li b’mod progressiv, l-iskejjel u l-ħwienet kienu se jerġgħu jibdew jiftħu fil-11 ta’ Mejju. Madankollu hu żied jgħid li ristoranti, lukandi, kafetteriji u swali taċ-ċinema kienu se jibqgħu magħluqin. Titjiriet internazzjonali minn pajjiżi barra mill-UE se jibqgħu pprojbiti għalissa wkoll.

Macron, li l-gvern tiegħu affaċċja kritika dwar in-nuqqas ta’ maskli u kitts għall-ittestjar, qal li sal-11 ta’ Mejju Franza se tkun f’pożizzjoni li tittestja lil kull min jippreżenta s-sintomi tal-COVID-19 u tipprovdi maskli għall-wiċċ mhux professjonali lill-pubbliku. Huwa qal ukoll li talab lill-gvern tiegħu biex din il-ġimgħa jippreżenta miżuri ġodda ta’ għajnuna finanzjarja għall-familji u studenti fil-bżonn.

Filwaqt li ammetta li l-pajjiż tiegħu ma kienx imħejji biżżejjed biex jaffaċċja l-isfidi ppreżentati mit-tifqigħa ta’ dan il-virus fl-ewwel fażijiet, Macron deher li adotta ton umli, b’kuntrast mar-retorika kumbattiva li kien qed juża fid-diskorsi preċedenti tiegħu.

“Konna lesti għal din il-kriżi? Huwa evidenti li ma konniex, mhux biżżejjed. Imma rnexxielna nadattaw,” qal. “Jekk inkunu onesti magħna nfusna naraw li din is-sitwazzjoni kixfet xquq, nuqqasijiet. Bħal kull pajjiż ieħor fid-dinja, kellna nuqqas ta’ ngwanti u sanitizer, ma konniex f’pożizzjoni li nagħtu l-ammont ta’ maskli li xtaqna lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa tagħna.”

Il-Franċiżi, li ilhom ħafna snin jisimgħu li jħallsu taxxi għolja biex jirċievu “l-aqwa kura tas-saħħa fid-dinja”, kienu xxukkjati bil-mod kif tqassmu provvisti kritiċi bħal mediċini, maskli għall-wiċċ u tagħmir ieħor, filwaqt li segwew b’sens ta’ għira s-sitwazzjoni fil-Ġermanja.

Fil-parti l-kbira, ir-rikonoxximent ta’ dawn in-nuqqasijiet min-naħa ta’ Macron kien apprezzat.