Macron iwiegħed għajnuna lil-Libanu b’kundizzjoni li jsiru riformi kbar

Read in English.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron wiegħed l-għajnuna ta’ pajjiżu lil-Libanu iżda serraħ moħħ ċittadini rrabjati għall-isplużjoni li qatlet 145 persuna li l-flus mhux se jingħataw lill-mexxejja tagħhom qabel ma jimplimentaw riformi u jeliminaw il-korruzzjoni kbira fil-pajjiż.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem żjara drammatika f’Bejrut, Macron sejjaħ għal inkjesta internazzjonali dwar l-isplużjoni devastanti li ġġenerat skoss siżmiku fir-reġjun, u qal li dan kollu kien sinjal urġenti biex jitwettqu riformi kontra l-korruzzjoni kif mitlub bis-saħħa mill-popolazzjoni tal-pajjiż.

Għexieren ta’ persuni għadhom neqsin wara l-isplużjoni tat-Tlieta li fiha weġġgħu 5,000 persuna filwaqt li mal-kwart ta’ miljun persuna spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Dan l-episodju kompla sallab pajjiż li diġà għaddej minn kollass ekonomiku u żieda fil-każijiet tal-coronavirus.

Skont sors fil-qasam tas-sigurtà, il-mejta telgħu għal 145, iżda hu mistenni li din iċ-ċifra tkompli tikber.

Macron qal li hu propona lill-awtoritajiet Lebaniżi pjan għal riformi urġenti li permezz tagħhom jingħataw aċċess għal biljuni ta’ dollari mill-komunità internazzjonali, u wiegħed li x-xahar id-dieħel jerġa’ lura fil-Libanu biex isegwi mill-qrib dak li kien sar.

“Jekk ma jsirux dawn ir-riformi, il-Libanu se jkompli jegħreq”, sostna Macron. “Hemm bżonn ta’ bidla politika. Din l-isplużjoni għandha sservi ta’ bidu ta’ era ġdida.”