Ma’ xiex ikollu jħabbat wiċċu l-pustier?

Tista’ taħsbu xogħol faċli dak tal-pustier li jmur jiġbor l-ittri mill-kaxxi tal-posta, iżda malajr tbiddel l-fehma jekk tkun taf ma xiex ikollu jħabbat wiċċu.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-MaltaPost qal li x-xogħol tal-pustier għandu ħafna periklu assoċjati miegħu u dan mhux biss għax ikollu jimxi f’toroq dojoq u traffikużi.
Mhux l-ewwel darba li pustier fetaħ kaxxa tal-ittri u sab żibel mormi jew inkella affarijiet li ma jkunux ġew issiġillati sewwa.
“Kien hemm każi li wasslu għall-periklu minn klieb li tħallew jiġru barra,” kompla jispjega l-kelliem.
Ftit jiem ilu, Newsbook.com.mt irraporta kif ma’ kaxxa ta’ ittri fil-Ħamrun kien hemm saħansitra siringi użati.  
Dwar dan, il-kelliem wieġeb li ġieli kien hemm pustiera li qalb l-ittri sabu siringi użati, iżda s’issa qatt ma kien hemm każi fejn pustier weġġa’ minħabba f’hekk.
“Ħafna minn dawn il-każi jistgħu faċilment ikunu evitati bil-koperazzjoni tal-pubbliku,” saħaq il-kelliem. “Ċertu sitwazzjonijiet bħal dawk ta’ żibel mormi fil jew mal-kaxxi ta’ ittri jwasslu għal periklu bla bżonn.”
Il-kelliem qal li l-kumpanija kontinwament tissorvelja r-riskji li jista’ jkun hemm u anke tipprova dejjem teduka l-ħaddiema biex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu f’sitwazzjonijiet speċifiċi.
Fil-każ tas-siringi, il-kelliem qal li li l-ħaddiema għandhom ordni biex jirrapurtaw mill-ewwel lill-Kumpanija biex tkun tista’ tieħu passi.
Kien hemm każijiet fejn MaltaPost kella tirraporta għand il-Pulizija u anke tinforma lill-kunsilli lokali.
Mat-temp li mhux dejjem ikun tajjeb, mat-tgħobbija u xi kumment żejjed, każi simili jkomplu jagħmlu x-xogħol tal-pustier diffiċli.
Bla dubju, bħal kull xogħol ieħor, dak tal-pustier għandu ħafna sabiħ ukoll, biss biss xogħlu jlaqqgħu ma’ ħafna nies.

Ritratt: The People of Malta