“Ma tlabtx biex niġi evakwat mil-Libja” – L-Isqof Bugeja

L-Isqof George Bugeja qal li mhux minnu li hu talab biex ikun evakwat mil-Libja għal Malta. Huwa ċaħad rapporti fil-midja u spjega li l-biljett tal-vjaġġ kien maqtugħ u mħallas għat-30 ta’ Awwissu, biex ikun jista’ jieħu sehem fil-festa ta’ Marija Bambina fix-Xagħra, raħal twelidu.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali l-Isqof Bugeja, iċċara li minkejja s-sitwazzjoni fil-Libja fl-aħħar ġranet ma kinitx faċli, għażel li jibqa’ Tripli sakemm infetaħ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Mitiga, wara li kien għalaq minħabba l-ġlied.

Kompla jgħid li l-ftuħ tal-ajruport ikun ifisser li jkun hemm ċerta sitwazzjoni ta’ sikurezza.  Spjega li minkejja kellu l-possibiltà li joħroġ minn Tripli billi jmur Miżurata u jaqbad titjira minn hemm għal Malta, ma aċċettax.

Irrimarka li kieku mhux għax kellu diversi impenji ppjanati probabbli kien jibqa’ Tripli.

L-Isqof George Bugeja rringrazzja lill-entitajiet governattivi u tas-sigurtà li tawh is-sapport f’dawn il-jiem.  Kellu kliem ta’ ringrazzjament ukoll għal dawk li ftakru fih u fil-missjoni tal-Knisja fil-Libja.

Mons. George Bugeja hu membru tal-Ordni tal-Franġiskani Minuri u ġie ordnat Isqof fis-sajf tal-2015.