“Ma tistax tqabbel it-taxxa tal-karozzi importati f’Malta u fl-UE” – Scicluna

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li t-taxxi tar-reġistrazzjoni ta’ karozzi second hand importati mħallsa f’Malta u fi stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux jitqabblu, peress li m’hemm l-ebda sistema komuni ta’ taxxa tar-reġistrazzjoni bejn l-istati membri tal-UE.

Dan ingħad fil-Parlament, meta l-Ministru kien qed iwieġeb il-mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Toni Bezzina. Din il-mistoqsija ġiet xahar wara li l-Kummissjoni Ewropea qalet li Malta qed tikser il-liġi tal-Unjoni Ewropea billi timponi taxxa ogħla għall-karozzi importati mill-istati membri tal-UE fuq karozzi li diġà qegħdin Malta. F’avviż formali maħruġ mill-KE u indirizzat lil Malta, il-Kummissjoni appellat lil Malta biex tibdel ir-regoli ta’ tassazzjoni fuq il-karozzi. Il-Kummissjoni tat lil Malta xahrejn biex tipprovdi tweġiba dwar din is-sitwazzjoni, inkella hi se tibgħat “opinjoni raġunata.”

Aqra: Il-KE tgħid li Malta qed tikser il-liġi dwar it-taxxa tal-karozzi importati mill-UE

Bezzina staqsieh meta t-taxxa imposta f’Malta fuq karozzi second hand importati se tiġi daqs dik ta’ barra, jekk l-ammonti żejda li tħallsu mill-Maltin tul is-snin hux se jinraddulhom lura, u għal kemm tammonta din id-differenza, sena b’sena.

Fit-tweġiba tiegħu fil-Parlament, Scicluna qal li kull stat membru hu liberu jaddotta sistema ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq il-vetturi li jiġu reġistrati fit-tali pajjiż, skont ir-realtajiet u l-prijoritajiet tal-pajjiż inkwistjoni.

Żied jgħid li f’Malta, it-taxxa ta’ reġistrazzjoni hi mfassla favur karozzi żgħar, ġodda jew iżjed riċenti u li jħammġu inqas. Dan japplika għal karozzi ġodda u anke għal dawk importati minn stati membri oħra u rreġistrati f’Malta bħala second hand.