Filmat: Ma tistax tlaħħaq mal-kont tad-dawl? Hemm raġuni

Brian Restall minn APF Malta spjega għaliex ħafna ma jlaħħqux mal-kontijiet tad-dawl. 

Waqt il-programm Ta’ Kulħadd fuq RTK 103FM,  Restall tkellem dwar il-faqar tal-enerġija, fid-dawl li llum l-Unjoni Ewropea tirrikonixxi li jeżisti faqar serju ta’ enerġija, jew Energy Poverty, fenomenu li qiegħed jolqot familji ta’ kull strata tas-soċjetà, mhux dawk biss bi dħul baxx. 
Fisser li familji li għaddejjin mill-faqar tal-enerġija huma dawk li mhumiex kapaċi jlaħħqu mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma – dawk li għandhom aktar minn tliet kontijiet mhux imħallsa minħabba problemi finanzjarji. Restall qal li din hija xi ħaġa li taffettwa l-ħajja personali ta’ dawn il-persuni u tinkwetahom immens. 
Iżda fakkar kif wieħed jista’ faċilment isib ruħu f’din is-sitwazzjoni, jekk pereżempju jsib ruħu aktar id-dar. Dawk il-persuni li ma jaħdmux: dawk li għadhom kif kellhom tarbija, jew single parents, l-anzjani, jew dawk qiegħda, normalment iqattgħu ħafna ħin id-dar u b’hekk jikkonsmaw aktar enerġija, bħat-televiżjoni, airconditioner jew heaters, dwal eċċ. Naturalment, dan jikkontribwixxi għal żieda fil-kont. 
Jaffettwa wkoll x’tip ta’ appliances wieħed juża fid-dar. Aktar ma jkunu antiki, probabbilment aktar ikunu jaħlu enerġija. Ħafna mill-appliances moderni ikunu eco-friendly.
Ir-roħs fil-kontijiet ma għenx xi ftit? 
Restall qal li minn mindu raħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ‘bi kwart’, il-konsum tad-dawl u l-ilma f’Malta żdied. Skont hu, din hija xi ħaġa pożittiva għax tfisser li ħafna familji qegħdin jgħixu aktar komdi. 
X’għandek tagħmel biex tirregola ruħek? 
Restall qal li l-Enemalta qiegħda tagħti ċans sabiex wieħed iħallas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, permezz ta’ skemi li jgħinuk tirregola ruħek, b’mod mill-aktar uman.