‘Ma tistax tkun nisrani u ma tilqax l-immigranti’ – Peppi

L-immigranti jheddu s-sigurtà nazzjonali – Neville Gafà

Neville-Gafa-Peppi-Azzopardi
Miguela Xuereb

Read in English.

Ma tistax tkun nisrani jekk ma tkunx lest li tilqa’ l-immigranti, l-attivist u preżentatur Peppi Azzopardi qal fi programm imtella’ min-Newsbook.

Azzopardi u Neville Gafà, ex ħaddiem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u ħabib mill-qrib ta’ Keith Schembri li sar vuċi ewlenija kontra l-immigrazzjoni f’Malta, ġew mistiedna fuq Newsbook Q&A ippreżentat minn Fr Joe Borg, biex jiddiskutu s-slogan ksenofobiku tal-Prim Ministru Robert Abela li Malta “full-up.”

Kif forsi mistenni, dan l-islogan sab l-appoġġ ta’ Gafà, filwaqt li Azzopardi opponieh bil-qawwa.

Azzopardi fakkar kif il-kap tas-segretarjat tal-Prim Ministru, Clyde Caruana, kien qal li Malta jkollha bżonn aktar minn 10,000 ħaddiem barrani kull sena f’intervista li għamel is-sena l-oħra, meta kien chairman eżekuttiv tal-JobsPlus.

Però Abela kien fittex li jagħmel distinzjoni bejn din l-immigrazzjoni u dawk li jfittxu l-ażil, u l-istess distinzjoni għamel Gafà, primarjament għax min ifittex l-ażil ma jiġix b’mod regolari. Insistà wkoll li jarmu l-passaport tagħhom u li qed jiksru l-liġi meta jiġu Malta.

Stati huma obbligati jipproteġu d-drittijiet ta’ dawk li jemigraw b’mod irregolari, bl-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tfakkar li hemm min m’għandu l-ebda għażla ħlief li jaħrab minn daru b’mod irregolari, bħal refuġjati, vittmi tal-ittraffikar, u tfal mhux akkompanjati.

Il-fatt li jistgħu emigraw b’mod irregolari ma jfissirx neċessarjament li ma jistħoqqilhomx protzzjoni internazzjonali.

Slogan tal-lemin estrem

Matul id-diskussjoni, Fr Borg qal li l-islogan ta’ Abela jfakkar ir-retorika tal-lemin estrem, imma Gafà ddefendieh, għax skont hu, il-gvern qed jara s-sitwazzjoni mill-lenti tas-sigurtà nazzjonali.

Gafà għamel referenza għall-pandemija tal-Covid-19 biex isaħħaħ l-argument tiegħu, peress li jista’ jkun hemm nies salvati mill-baħar li jistgħu ikunu infettati bil-coronavirus.

Azzopardi fakkar li l-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ma qabilx mal-islogan u ppropona konferenza nazzjonali fuq l-immigrazzjoni biex is-sitwazzjoni tiġi diskussa b’mod sura.

Hu wera t-tħassib fuq il-kliem li jintużaw meta n-nies jitkellmu fuq refuġjati u dawk li jfittxu l-ażil, għax juri kif dawn meqjusa ta’ klassi inferjuri.

Policy biex tadotta immigrant

Fil-programm, Azzopardi żvela li kien qed jaħdem fuq policy flimkien mal-Ministeru għall-Intern biex nies ikunu jistgħu jospitaw refuġjati u nies ifittxu l-ażil għal perjodu ta’ żmien.

Hu kien kiteb lill-Prim Ministru Robert Abela biex isalva nies li kienu bejn sema u ilma, u kien qallu li hemm familji lesti li jiftħu darhom għailhom.

‘Iċ-ċentri mimlija’

Min-naħa tiegħu, Gafà qal li ċ-ċentri miftuħa u ċ-ċentri tad-detenzjoni mimlija u ma jistgħux iżommu aktar nies.

Qal ukoll li r-ripatrijazzjoni mhux soluzzjoni, għax l-Unjoni Ewropea ma kinitx qed tagħti l-appoġġ meħtieġ.

“Mhux se nieħu lezzjonijiet minn stati membri oħra, meta dawn jiffinanzjaw organizzazzjonijiet kriminali,” insista Gafà, li sikwit jargumenta – kif jagħmel il-lemin estrem f’pajjiżi oħra – li l-NGOs li jgħinu jsalvaw l-immigranti huma organizzazzjonijiet kriminali.

Fil-konklużjoni tiegħu, Gafà tenna li Malta ma tistax tilqa’ aktar immigranti, hu staqsa jekk xi ħadd qatt marx pajjiż ieħor mingħajr passaport.

Fir-risposta tiegħu, Azzopardi insista li kulħadd ried jitgħallem jgħix flimkien u jintegra, u li dawk li jfittxu l-ażil għandhom jiġu megħjuna.