Ma tistax tkun Kristjan jekk int kontra r-refuġjati jew reliġjonijiet oħra

Meta kien qed ikellem lill-parteċipanti Kattoliċi u Luterani mill-Ġermanja li ħadu sehem f’pellegrinaġġ flimkien fil-Vatikan, il-Papa Franġisku qal li hu ma jħobbx il-kuntradizzjoni ta’ dawk li jridu jiddefendu l-Kristjaneżmu u fl-istess ħin huma kontra r-refuġjati u reliġjonijiet oħra.
"Din il-kuntradizzjoni mhix xi ħaġa li qrajt fil-kotba imma naraha kuljum fil-gazzetti u fuq it-televiżjoni”, qal il-Papa.
Papa Franġisku qal li “l-marda, jew aħjar id-dnub, li Ġesù l-aktar li jikkundanna hi l-ipokrezija” u dan hu eżattament dak li jiġri meta xi ħadd jgħid li hu Nisrani u ma jgħixx skont it-tagħlim ta’ Kristu. Ma tistax tkun Nisrani u ma tgħixx bħala Nisrani. Ma tistax tkun Nisrani u ma tipprattikax il-beatitudnijiet. Ma tistax tkun Nisrani u ma tagħmilx dak li għallem Kristu skont il-Vanġelu ta’ San Mattew billi ngħinu lil min hu fil-bżonn, nitimgħu lil min hu bill-ġuħ, inlibbsu lill-għeri u nilqgħu lill-barrani”
“Hi ipokrezija li tgħid li int Nisrani u tkeċċi refuġjat jew xi ħadd li qed ifittex l-għajnuna, xi ħadd li hu bil-ġuħ jew bil-għatx u twarrab lil xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna. Jekk ngħid li jien Nisrani u nagħmel dawn l-affarijiet, jien ipokrita”, sostna l-Papa.
Hu qal li l-komunità Nisranija hi msejħa għal żvilupp u maturità kontinwa u l-istorja tagħha hi mimlija b’movimenti riformistiċi żgħar jew kbar. Uħud minnhom kienu riformi qaddisa li ħallew il-ġid u oħrajn ma ħadmux. L-akbar riformaturi tal-Knisja huma l-qaddisin, nisa u rġiel li mxew fuq il-kelma t’Alla u pprattikawha.
L-Insara għandhom għalfejn ifaħħru 'l Alla għax fl-aħħar 50 sena l-Kattoliċi u l-Luterani imxew mill-kunflitt għall-għaqda.
“Diġà mxejna flimkien parti sew mit-triq” qal il-Papa lill-pellegrini Ġermaniżi.
Il-Papa qal li lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar se jmur l-Iżvezja biex jieħu sehem flimkien ma’ mexxejja Luterani fil-ftuħ tal-kommemorazzjoni tal-500 anniversarju tar-Riforma Protestanta. 
Hemmhekk se jkun hemm impenn biex jaħdmu flimkien f’dinja “li hi bil-għatx għal Alla u għall-ħniena tiegħu”.
Id-dinja għandha bżonn Insara li jagħtu xhieda tal-ħniena t’Alla billi jagħtu servizz lill-fqir, lill-marid u lil dawk li kellhom jabbandunaw pajjiżhom biex ifittxu futur aħjar.
“Meta npoġġu lilna nfusna għas-servizz ta’ dawk fil-bżonn, nindunaw li aħna diġà magħquda għax hi l-ħniena t’Alla li tgħaqqadna”, temm jgħid Papa Franġisku.