“Ma tistax tittieħed bis-serjetà” – Il-PN dwar Helena Dalli

Wara l-filmat li ppubblika Newsbook.com.mt, fejn il-Ministru Helena Dalli tidher tidħak waqt li tgħid li l-poplu Malti ma ndunax x’kellu f’moħħu l-Partit Laburista dwar l-unjoni ċivili, il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa u qal li l-Ministru ma tistax tittieħed bis-serjetà dwar materji oħra. 

Fi stqarrija, il-PN qal li f’dan l-istadju hu leġittimu li l-poplu jistaqsi għaliex Helena Dalli u l-Prim Ministru Joseph Muscat iridu jneħħu l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf mil-liġi dwar il-vjolenza domestika.  Jistaqsi wkoll x’inhuma l-intenzjonijiet veri tagħhom.
Claudette Buttigieg u Claudio Grech, kelliema tal-PN għad-Drittijiet Indaqs u għad-Drittijiet tat-Tarbija fil-Ġuf rispettivament, saħqu li qed jikbru d-dubji. Isemmu kif fil-Parlament, il-Ministru Dalli baqgħet tinsisti li għandha titneħħa l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf, dik tal-mara li tkun tqila meta tkun vittma ta’ vjolenza domestika.
Il-kelliema Nazzjonalisti sostnew li anke wara li l-Oppożizzjoni ġibditilha l-attenzjoni diversi drabi, il-Ministru m’aċċettatx li din il-protezzjoni terġa’ tidħol fis-seħħ.
Insistew li la m’hemmx raġuni validi għaliex titneħħa l-klawżola, għandha terġa’ tidħol meta l-Kumitat jiltaqa’ biex jiddiskuti nhar l-Erbgħa li ġej.
L-istqarrija tal-PN tkomplil tgħid li l-Ministru Dalli diġà ddikjarat ukoll li lesta tiddiskuti wara l-appelli li saru biex jibda dibattitu pubbliku dwar l-introduzzjoni tal-abort.
Fi kliem il-PN, il-Ministru qed terġa’ tinħeba bl-iskuża tal-ugwaljanza biex timbotta ‘l quddiem id-diskussjoni dwar l-abort, meta s-servejs juru li 97% tal-Maltin ma jaqblux miegħu.