“Ma tistax tissejjaħ Onorevoli jekk ma taġġixxix b’dak il-mod” – PD

Il-Partit Demokratiku sostna li biex wieħed ikun Membru Parlamentari serju ma jridx ikollu l-ġudizzju tiegħu jew xogħlu imxekkel minn rabtiet, relazzjonijiet ma’ terzi, jew pożizzjonijiet ta’ xogħol u kariga.

Fi stqarrija, il-PD sostna li wħud mill-back-benchers tal-Gvern ingħataw mill-inqas ħatra waħda ma’ entitajiet governattivi li tirdoppja jew titrippla d-dħul tagħhom. Sostna li għal din ir-raġuni, “l-impenn tagħhom fl-iskrutinju tal-Eżekuttiv huwa kompromess.” Irrimarka li hemm ukoll Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni li minħabba l-professjoni tagħhom qed ipoġġu lilhom u lill-partit tagħhom f’pożizzjoni skomda meta jiġu biex jikkritikaw l-aġir tal-Gvern.

Il-PD insista li jekk il-Membri Parlamentari jridu jiġu rispettati hemm bżonn li jaħdmu għaliha. “Ir-rispett ma jiġix awtomatikament,” irrimarka l-PD, “trid taħdem għalih, u bl-azzjonijiet tiegħek jiżdied jew jonqos. Ma tistax tissejjaħ Onorevoli jekk ma taġixxix b’tali mod.”

Fl-istqarrija l-partit tal-oranġjo għamel referenza għall-każ ta’ San Vinċenz fejn sostna li l-Partit Nazzjonalista mhux ħieles biex jaġixxi kif suppost u fil-ħin.

Tenna li l-Membri Parlamentari jridu jintrabtu b’kodiċi ta’ etika fl-attivitajiet kummerċjali u professjonali tagħhom u b’hemm ma jkunx hemm l-ebda dell ta’ kollużjoni u kunflitt ta’ interess li jfixkel ir-rwol tagħhom.