Ma tistax tirredikola traġedja – kummenti dwar il-karru bit-tfal

Valletta 2018

Read in English.

Karru bl-immaġni ta’ tfal bil-qrun u l-Arċisqof Charles Scicluna quddiem il-faċċata ta’ Dar San Ġużepp, li indika rabtiet bejn il-Knisja u l-abbuż tat-tfal, qajjem furur ilbieraħ meta ġie kkundannat pubblikament minn għadd ta’ entitajiet, saħansitra mill-Arċisqof innifsu, u dan wassal biex il-Ministru Jose Herrera jieħu azzjoni u jordna li l-karru jiġi pprojbit milli jipparteċipa fil-Karnival. Fost il-ħafna kummenti donnu spikka wieħed komuni, li traġedja bħalma hi l-abbuż tat-tfal ma tistax tiġi rredikolata.

“Is-satira m’għandhiex tinvolvi wċuħ privati” – Kevin Mompalao

L-Avukat Kevin Mompalao fi blogg fuq Newsbook.com.mt qal li, “Min ħareġ b’din l-idea ċertament li ma ħasibx fil-weġgħa tal-vittmi fejn bla ma jrid qed jerġa’ jiftħilhom il-ferita u jpoġġiha għat-tiċrit tal-ħluq u ż-żebliħ karnivalesk.” Filwaqt li spjega li hu mhuwiex kontra s-satira, Mompalao spjega li s-satira m’għandha qatt tilħaq lil individwi privati, speċjalment dawk li jkunu għaddew minn trawma bħalma hu l-abbuż.

Skontu, “is-satira trid tkun fil-limitu etiku, morali, u anke professjonali tagħha. Is-satira għandha tinvolvi biss uċuħ pubbliċi u qatt uċuħ privati li ma għandhom l-ebda funzjoni pubblika. Lanqas tista’ s-satira tindirizza entitajiet privati jew sitwazzjonijiet privati. Jekk isir hekk is-satira tiġi libelluża u l-imweġġa’ jista’ u għandu dritt ifittex fil-Qrati.”

“It-tfal batew biżżejjed f’ħajjithom” – Iggy Fenech

Fil-blogg tiegħu, Iggy Fenech fiehem ukoll li hu jemmen fis-satira, imma ma jemminx f’satira li tagħmel il-ħsara lil tfal innoċenti. Qajjem il-punt li filwaqt li Dar San Ġużepp kienet involuta fi skandlu relatat fil-passat, dak huwa passat, u issa hemm grupp ġdid ta’ tfal li jsejħu dik ir-residenza darhom, li diġà batew biżżejjed f’ħajjithom u m’għandhomx bżonn affarijiet bħal dawn li jorbtu lil darhom mal-abbuż tat-tfal.

Iggy Fenech qal li l-inklużjoni tal-Arċisqof, li ntgħażel mill-Papa Franġisku nnifsu biex jgħin lill-Knisja tiġġieled il-problema tal-abbuż, kienet għażla fjakka.

Fenech ikkonkluda li l-karru ma kienx satiriku għax ma kien fih xejn tad-daħk, irredikola lill-vittmi, is-suġġett tiegħu ma kienx topiku u lanqas kontemporanju, u l-unika esaġerazzjoni li fih hu l-involviment tal-Arċisqof fl-abbuż tat-tfal meta l-Arċisqof huwa magħruf li jiġġieled dan l-abbuż.

“L-iżjed biċċa ‘umoristika’ krudili, bla gost u insensittiva” – Lou Bondi

Il-preżentatur Lou Bondi sejjaħ dan il-karru “l-iżjed biċċa ‘umoristika’ krudili, bla gost u insensittiva” li ltaqa’ magħha.

F’kitba li għamel fuq Facebook, huwa rrakkonta kif kien programm tiegħu ta’ Bondiplus li żvela l-abbuż tat-tfal li kien għaddej fid-Dar San Ġużepp għal deċennji sħaħ. Qal li ltaqa’ mal-vittmi kemm-il darba u kkonsulta mal-qassisin u mad-diretturi tad-dar. Qagħad attent li bi kliemu ma jħammiġx lill-qassisin kollha, u ftakar kif id-diretturi tad-dar ma ppruvawx jaħbu dak li kien ġara. Qal iżda, li tul il-programm huwa żamm f’moħħu kif jista’ jipprevjeni li t-tfal li joqogħdu f’dik id-dar jiġu stigmatizzati. Minkejja li prova dan, kien hemm xi ftit ta’ stigma u qal li dejjem baqa’ jħoss ċerta ħtija għal dan.

Għaldaqstant, Bondi qal li hu nkurlat immens bil-ħsieb li xi ħadd azzarda jissatirizza wġigħ bħal dan li ħassew il-vittmi ta’ dan l-abbuż. Semma wkoll li l-Arċisqof Scicluna jagħmel l-almu tiegħu biex jixħet dawl fuq l-abbuż tal-kleru.

This must be the most cruel, tasteless and horrendously insensitive bit of ‘humour’ I have ever come across. It was an…

Posted by Lou Bondi on Thursday, January 23, 2020

“Kien jiġi ċċensurat kieku kien hemm Yorgen Fenech fuqu?” – Immanuel Mifsud

Min-naħa l-oħra, il-kittieb Immanuel Mifsud semma lil Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, li hu akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa staqsa jekk il-karru kien juri lil Fenech kienx jiġi ċċensurat.

Semma wkoll il-posters li tqiegħdu fix-xelters tal-karozzi tal-linja li juru lil Fenech flimkien ma’ Silvio Valletta, l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija, it-tnejn iżommu id tifel li wiċċu ma jidhirx. Dan il-poster ħareġ wara li nhar il-Ħadd li għadda, ħarġet l-aħbar li Valletta u Fenech siefru flimkien biex jaraw xi logħbiet tal-futbol, u xhud li rahom qal lit-Times of Malta li sema’ lil wieħed minn ulied Fenech isejjaħ lil Valletta “uncle Silvio.”

Mifsud staqsa, “mhux anki dan il-poster qiegħed iweġġa’ s-sentimenti ta’ xi wħud, speċjalment meta niftakru x’rabta hemm bejn Fenech u vittma partikolari? Mhux anki dan il-poster qed jissatirizza billi juża lit-tfal (li wkoll nafu li jeżistu fir-realtà)? U mhux anki dan huwa poster li jidher fil-pubbliku, inklużi t-tfal?” Qal li qed jistaqsi għax verament tħawwad “bi kriterji kontra kriterji u sadattant ma nafx liema huma l-kriterji.”

Għadni kif tajt kumment lit-Times dwar il-kwistjoni tal-karru. U jien u nkellem lill-ġurnalista staqsejt, "Jekk ikun…

Posted by Immanuel Mifsud on Friday, January 24, 2020