Ma tistax tgħid li mhawnx ikbar minn Alla u fl-istess ħin toqtol – l-Arċisqof

Fuq l-istazzjon RTK, l-Arċisqof Charles Scicluna tenna kliem il-Papa Franġisku, li ma tistax toqtol u tkasbar lil ħaddieħor f’isem ir-reliġjon għax dik tkun l-ikbar dagħwa.
Saħaq li ma tistax tgħid li m’hawnx ikbar minn Alla u fl-istess ħin toqtol, għax tkun qed turi disprezz kbir lejn il-bniedem u lejn Alla li ħalqu.
Fil-programm “Bir-Rispett Kollu”, l-Arċisqof kien mitlub jikkummenta dwar dak li seħħ fl-aħħar jiem f’Pariġi. L-Arċisqof fakkar fi kliem San Pawl, li l-bniedem għandu jirbaħ il-ħażin bit-tajjeb għax inkella jirbaħ il-ħażin.
Waqt li qal li r-rabja hi awtomatika, spjega li jekk wieħed iċedi għat-tentazzjoni tal-mibgħeda, ikun qed jagħmel eżatt dak li jrid min jipprova jkisser. Spjega wkoll li ħafna kunflitti fid-dinja ġejjin minn sitwazzjoni ta’ inġustizzja, u jekk il-bniedem ma jaħdimx għall-ġustizzja ma jistax ikun hemm paċi.
Dwar is-Summit li sar f’Malta dwar l-immigrazzjoni, l-Arċisqof qal li hu pożittiv li l-UE mpenjat ruħha għall-fond komuni ta’ solidarjetà imma fisser li hu diżappuntat kif pajjiż żgħir bħal Malta kkontribwixxa kwart ta’ miljun ewro għall-fond imma xi pajjiżi ferm ikbar taw biss €50,000 jew xejn.
L-Arċisqof awgura li jkun hemm djalogu kontinwu bejn l-Ewropa u l-Afrika u bejn l-Ewropa u pajjiżi oħra, imma ddeskriva dak li seħħ f’Malta bħala pass f’mixja twila.
Dwar il-pożizzjoni tal-Knisja dwar il-ħarsien tal-embrijuni, l-Arċisqof tenna li l-Knisja tqis l-iktar mod dinjituż għall-prokreazzjoni bħala t-tnissil naturali fl-att taż-żwieġ, iżda l-liġi tal-lum tressaq kemm jista’ jkun dak li jiġri fil-laboratorju man-natura.
Tenna kif l-embrijun hu t-tarbija mnissla fl-ewwel tmien ġimgħat tagħha, u li tfisser ħlejqa umana. Għal darb’oħra spjega li l-iffriżar tal-embrijun imur kontra d-dinjità tan-natura tal-bniedem, għax fost l-oħrajn, iwaqqafha fit-tkabbir naturali tagħha, u jpoġġiha f’riskju kbir li tmut meta tinħareġ mill-friża, kollox fuq deċiżjoni tal-bniedem.
Waqt li tenna l-pożizzjoni tal-Knisja kontra li tidħol it-tielet persuna fl-ekwazzjoni, spjega wkoll li t-tibdiliet proposti għal-liġi għadhom mhux magħrufa.
Mistoqsi wkoll dwar il-bidliet għall-festa ta’ Kristu Re, nhar il-Ħadd, l-Arċisqof spjega li din is-sena ttieħdet id-deċiżjoni li l-festa ma tibqax issir fiċ-ċentru biss imma anke fil-periferija. Din is-sena, se ssir f’Ħaż-Żabbar u tibda fil-5pm bil-kant tal-Għasar. RTK se jkun qed iwassal xandira diretta.