Ma tista’ qatt tkun taf minn xiex ikun għaddej min imutlu wild – psikjatra

Read in English.

Min hu mġarrab jgħidlek li m’hemm xejn agħar minn meta jmutlek ibnek jew bintek. Meta tara dak it-tebut żgħir abjad bħal fil-każ ta’ tarbija jew tebut li fih taf li hemm ġuvnott jew xbejba, ma tistax ma tħossx li xi minn daqqiet il-ħajja taf tkun inġusta. Xi ftit jew wisq, min isegwi l-mezzi soċjali esperjenza dawn il-ħsus din il-ġimgħa bil-mewt ta’ żagħżugħa grazzjuża, daħqana u kuraġġuża. Newsbook.com.mt tkellem mal-psikjatra Dr Joe Cassar u mal-psikologa Dr Anna Cassar dwar xi jħoss min jitlef lil xi ħadd minn uliedu.

Is-sogħba hija ħaġa personali

Dr Joe Cassar qal li s-sogħba hija emozzjoni intensament personali, tant li lanqas il-ġenituri ma jesperjenzawha bl-istess mod. Huwa qal li ħadd ma jista’ jkun jaf persuna oħra minn xiex tkun għaddeja, jew xi jkun qed iħoss. Irrakkonta kif darba kien mar funeral ta’ iben xi ħadd li kien jaf. “Għedtlu: Naf x’qed tħoss. Fil-pront dar fuqi u qalli: Le, ma tafx. U dak il-ħin daħħalni f’qoxorti,” qal Dr Joe Cassar. Spjega kif kulma jintqal fuq il-mod kif wieħed jgħaddi mill-istadji ta’ sogħba huwa kollu veru imma kollu teoretiku. Dan minħabba li ħadd ma jesperjeza t-telfa bl-istess mod. Dr Anna Cassar qalet li hemm fażijiet differenti: rabja, mistoqsijiet, dipressjoni, imma kulħadd jgħaddi minnhom b’mod differenti. Dr Joe Cassar qal li jkun hemm min jeħel u jibda jalterna bejn il-fażijiet. Dr Anna Cassar issuktat li wieħed dejjem jittama li wara dawn il-fażijiet, wieħed jirnexxilu jistabar, izda mhux dejjem ikun il-każ.

Ħadd ma jgħaddi mill-istess esperjenza

Dr Joe Cassar irrefera għall-istadji li semmiet Dr Anna Cassar u qal li ħadd ma jgħaddi mill-istess triq. Min taqbdu dipressjoni, imbagħad jerġa’ jibda jirrabja, jerġa’ għal dipressjoni u jdum għaddej bejn fażi u oħra tal-proċess biex forsi jistabar. Jista’ jkun ukoll li l-effett tat-telfa ma jolqotx lill-persuna minnufih iżda saħansitra wara anke xhur. Semma kif parti mill-proċess huwa li l-persuna tkun trid twaħħal f’xi ħadd. Qal li minħabba li aħna pajjiż Kattoliku, spiss jeħel Alla u nwaħħlu fiH. Sostna li l-agħar ħaġa li tista’ ssir hija li xi ħadd jgħaddi ġudizzju fuq dak li jkun. Dr Cassar qal li fl-aħħar mill-aħħar dan huwa proċess naturali biex il-bniedem jaċċetta din ir-realtà ġdida, iżda, wissa, mhux dejjem tinstab dik l-aċċettazzjoni.