“Ma tista’ qatt tgħid kif kelb iħossu fix-xita”

Ritratt: Twitter

Min kellu jgħid lill-iSkoċċiż Ethan Dearman li meta fetaħ l-umbrella tiegħu biex kelb li kien ħdejn is-supermarket fejn jaħdem biex ma jixxarrabx, xi ħadd kellu jiġbidlu ritratt li kien se jispiċċa jdur is-siti soċjali u jaqla’ kliem ta’ tifħir għal mod kif aġixxa biex jagħti kenn lil dan il-kelb.

Dearman jgħasses il-parkeġġ tal-ħanut ta’ Morrison f’Giffnock fl-Iskożja u issa ġie mlaqqam bħala “everyday hero” wara li fetaħ l-umbrella tiegħu biex il-kelb ma jixxarrabx.

Meta Mel Gracie ta’ 25 sena ra lil Dearman jagħmel hekk ġibed ir-ritratt u xeħtu fuq Twitter u minnufih eluf ta’ persuni bdew jikkummentaw u jxerrdu dan ir-ritratt.

Apparentament din mhux l-ewwel darba li Dearman ħa l-ħin biex juri ftit imħabba lill-klieb li jkun hemm fil-parkeġġ.

Sid il-kelb ukoll ra r-ritratt u qal li dan jismu Freddie u faħħar lil Dearman għat-tjubija tiegħu mhux biss lejn l-annimali iżda wkoll lejn membri oħra tal-familja tiegħu li jmorru jixtru minn dan il-ħanut.

Meta r-raġel ġie msitoqsi x’fettilu jiftaħ l-umbrella biex il-kelb ma jixxarrabx, huwa wieġeb li “qatt ma taf kif iħossu kelb fix-xita”.