​Ma tintlaqax it-talba tal-Oppożizzjoni li d-dibattitu tat-Tnejn jiġi ffilmjat

It-talba tal-Oppożizzjoni li d-dibattitu fil-Parlament nhar it-Tnejn, dwar l-Enemalta u l-power station, jixxandar fuq it-televiżjoni ma ntlaqgħetx mill-Gvern “biex ma tinħoloqx anomalija”.
Il-Viċi-Kap tal-PN Mario de Marco ressaq fil-Parlament, talba li tressqet minn stazzjon televiżiv.
Qal li l-Oppożizzjoni m’għandha ebda diffikultà li d-dibatittu sħiħ jixxandar fuq kull stazzjon televiżiv li jixtieq ixandru.
Fakkar li kieku l-Parlament beda jiltaqa’ fil-bini l-ġdid kif kien ippjanat oriġinarjament, is-seduti kienu se jiġu ffilmjati.
Il-Parlament nhar it-Tnejn se jiddiskuti l-aħħar żviluppi dwar il-Korporazzjoni Enemalta u l-bini ta' power station ġdida wara mozzjoni li ġiet ippreżentata mill-Oppożizzjoni t-Tnejn li għadda.
Il-Viċi-Prim Ministru Louis Grech qal li l-Gvern mhux jara ġustifikata t-talba li s-seduta tat-Tnejn tiġi ffilmjata.
Id-deputata Deborah Schembri, li hi wkoll rappreżentanta tal-Gvern fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra, qalet li l-Gvern ma jaqbilx.
Għal dan, Mario de Marco talab ruling mill-Ispeaker dwar l-interpretazzjoni tiegħu ta’ Standing Order 173 u dwar it-talba tal-Oppożizzjoni.
Anġlu Farrugia wieġeb li l-istanding order hi ċara – li x-xandir ta’ seduti għandu jkun bir-radju minn Public Broadcasting Services Ltd.