Ma tindunax bil-qerq, gideb u ħabi ta’ Claudio

L-aħħar żewġ episodji mis-sensiela Gideb u Mħabba se jixxandru llum is-Sibt u għada l-Ħadd fis-1.05pm fuq l-istazzjon Net.

Fl-episodju tal-lum, Grace tkun għadha l-isptar tilgħab mal-ħajja wara l-inċident ikrah li kellha. B’xorti tajba tistejqer u ssir taf li t-tarbija ma ġralha xejn.

Mark jipprova jirrikatta lil Claudio. Jirnexxielha Grace toħroġ mill-għanqbuta ta’ gideb u ħabi li kienu daħħluha fiha? Jirnexxielha ssib kumpanija sinċiera li tnessiha l-qrusa ta’ relazzjoni mibnija biss fuq il-qerq u l-gideb?

Fil-ħames u l-aħħar puntata li tixxandar għada l-Ħadd Marvic tiskanta li Grace aċċettat il-pjan ta’ Claudio. Grace tkun tħobb tassew u ma tindunax bil-qerq, gideb u ħabi ta’ Claudio. Grace ikollha ħolma kerha.

Dolor tinkwieta b’dak li tisma’ lil Grace tgħid waqt il-ħolm. Paul jagħmel minn kollox biex juri lil Grace bl-interess sinċier tiegħu. Grace tiftaħ qalbha miegħu u jirnexxielu jdawrilha fehmitha dwar l-abort.

Jieħdu sehem: Antonella Caruana, Estelle Gatt, Frida Cauchi, Hermann Bonaci, John Suda, Etienne St. John, Gabriel Micallef, Christine Bonaci, Fabian Scerri de Carlo, Jeffrey Scicluna, Josephine Mahoney, Ray Abdilla, Romina Darmanin, Veronica Farrugia, Joe Quattromani,  Pawlu Caruana u Paul Bonello.

Gideb u Mħabba għandha kitba ta’ Jesmond Grech, direzzjoni ta’ Hermann Bonaci u direzzjoni artistika ta’ John Suda.