Ma tgħaddix mozzjoni tal-Oppożizzjoni li tinħatar Inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne

Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex il-Parlament jaħtar Bord
ta’ Inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u dwar jekk
setgħux ittieħdu miżuri biex jipprevjeni dan il-qtil m’għaddietx mill-
Parlament b’35 vot kontra u 26 favur wara li ntalbet division.

Fuq din il-mozzjoni ż-żewġ membri tal-Partit Demokratiku ressqu emenda
li fiha pproponiet illi titwaqqaf Kummissjoni tal-Verità u Ġustizzja
mmexxija mill-Kummissarju għad-drittijiet umani tal-Kunsill tal-Ewropa, li
taħtar bordijiet ta’ inkjesti li twessagħhom ukoll għall-qtil ta’ Karen Grech
u Raymond Caruana. Din il-mozzjoni m’għaddietx b’59 vot kontra u 2
favur.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius iġġustifika l-vot
kontra tal-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista billi qal li l-
emenda tal-Partit Demokratiku kienet qed tneħħi żewġ punti importanti
mill-mozzjoni tal-PN, jiġifieri t-tneħħija tal-Avukat Ġenerali u l-
Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll li l-Prim Ministru jaħtar inkjesta
pubblika.

Min-naħa tagħha, Marlene Farrugia qalet li l-Parlament tilef opportunità
importanti li jinħatar bord ta’ inkjesta li jkun ‘il bogħod mis-swaba tal-
Gvern.