Ma tantx fadlilna fidi fil-koperazzjoni tal-unjins – AirMalta

Malta International Airport plc

Wara li l-Air Malta bdiet tissottometti d-dokumenti ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema minn tagħha minħabba li m’għandhiex minn fejn tibqa’ tħallas il-pagi tagħhom, l-Union of Cabin Crew (UCC) qalet li l-membri tagħha aċċettaw il-proposta li kienet għamlet il-kumpanija dwar il-paga minima. Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li minkejja dan, hi ma tantx fadlila fidi fil-koperazzjoni tal-unjins tal-membri tal-ekwipaġġ u tal-piloti.

L-Air Malta qalet li l-proposti li kienet għamlet kienu se jassiguraw li l-impjegati tagħha jkunu garantiti l-paga minima li qed joffri l-Gvern waqt li dawn jinsabu d-dar hekk kif m’hemmx xogħol għalihom minħabba li l-ajruport ingħalaq. Qalet li minkejja li talbet diversi drabi lill-UCC sabiex taċċetta l-proposti tal-kumpanija, din baqgħet tippersisti kontra minkejja li skont il-kumpanija, ir-raġunar tagħha ma kienx wieħed ġustifikat.

Ilbieraħ l-Air Malta qalet li ġiet infurmata mill-UCC li 90% tal-membri tagħha vvutaw favur il-proposta li għamlet il-kumpanija. L-Air Malta qalet li jiddispjaċiha li tara dan ir-riżultat propju wara li hi kellha tibda l-proċess ta’ tkeċċija mad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER). Sostniet li minħabba din l-attitudni li affaċċjat waqt id-diskussjonijiet preċedenti li saru bil-għan biex ma jkunx hemm tkeċċijiet, il-fidi li kellha l-kumpanija fl-unjins ħadet daqqa ta’ ħarta.

L-Air Malta kompliet tgħid li ma tħossiex kunfidenti li l-UCC se tikkopera skont kif hemm bżonn u tinsab imħassba dwar x’jiġri jekk ikun hemm bżonn isiru aktar tibdiliet fi żmien erba’ ġimgħat. Qalet li l-kumpanija nnutat ukoll li l-unjin ma kinitx tat lok lill-membri tagħha jivvutaw jew jesprimu l-opinjoni tagħhom kif suppost dwar il-proposta li għamlet il-kumpanija. Minkejja dan, l-Air Malta qalet li l-vot li ħadet l-unjin issa mhux suffiċjenti biex jagħti l-assigurazzjoni meħtieġa lill-kumpanija li se jkun hemm lok għal diskussjoni matura fil-futur.

L-Air Malta infurmat kemm lill-UCC, kif ukoll lill-ALPA sabiex jużaw il-bqija tal-perjodu konsultattiv biex jiddiskutu u jaqblu dwar ritrutturar permanenti bil-għan li flimkien jassiguraw li l-kumpanija tista’ tibqa’ ħajja wara l-perjodu ta’ COVID-19. Qalet li malli jsir dan il-ftehim permanenti lesta li tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha dwar it-tkeċċija tal-ħaddiema.