“Ma tagħmilx sess ma’ tifla ta’ 13-il sena!” – Maġistrat mgħaddab

Tifla ta’ 13-il sena pprostitwiet lil ħabibitha ma’ raġel ta’ 37 sena biex takkwista mowbajl ġdid. Ir-raġel, Sudaniż li ilu jgħix Malta 13-il sena, dalgħodu tressaq il-Qorti b’akkużi ta’ stupru u prostituzzjoni mal-minuri.

Fil-Qorti nstema’ kif it-tifla kkuntattjatu fuq Facebook u hu qabel li jkollu x’jaqsam sesswalment mal-ħabiba tagħha u jixtrilha mowbajl. It-tlieta li huma ltaqgħu l-ġimgħa l-oħra f’garaxx fil-Ħamrun fejn kien joqgħod. Il-bniet tawh il-kunsens sesswali iżda wara ftit bdew jirreżistuh.

L-avukat difensur qal lill-Qorti li kien sorpriż kif it-tifla li għamlet l-allegat ftehim mhux qed titressaq il-qorti. Irrimarka li din it-tifla għandha passat ta’ mġiba simili u li qabdet ħafna rġiel fl-istess nasba.

Il-Maġistrat qallu li meta tiġi fuqek tifla ta’ 13-il sena fuq Facebook, taf x’għandek tagħmel. Ma tagħmilx sess magħha!

Ir-raġel, li għandu ħanut fil-Ħamrun, ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih iżda l-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.