Aġġornata: “Ma tagħmilx sens li tkeċċi ’l-Avukat Ġenerali” – Muscat

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat saħaq li ma tagħmilx sens li tkeċċi lill-Avukat Ġenerali.
Dr Muscat kien qed jindirizza lil partitarji Laburisti waqt attività politika fir-Rabat, meta spjega kif it-tkeċċija tiegħu tkun tmur kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta, għax biex jitneħħa jrid ikun hemm qbil ta’ żewġ terzi tal-Parlament Malti, u jrid jinstab li għamel xi ħaġa ħażina.
Hawnhekk irrefera għad-dibattitu parlamentari ta’ għada mal-Oppożizzjoni dwar it-talbiet tas-soċjetà ċivili, u rrimarka li jittama li l-Gvern ma jkollux għalfejn jitkellem ma’ tliet oppożizzjonijiet.
“Aħna lesti li niddiskutu fuq kull ħaġa li hemm bżonn. Jien ma nidħolx f’diskussjonijiet b’kundizzjonijiet. Għall-pajjiż nidħol f’diskussjonijiet bla kundizzjonijiet ta’ xejn”, saħaq il-PM.
“Anki fi żmien ikrah, irrid nibqa’ nistinka għall-pajjiż”
Għadda biex jitkellem dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta. Irrimarka li l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jaqa’ fl-iżball li jaħseb li l-familji u n-negozji jieħdu gost b’min imur jitkellem kontra Malta mal-barranin.
Sostna li wieħed mid-doveri tiegħu, anki fiż-żmien ikrah li għaddej minnu l-pajjiż, jibqa’ li jistinka biex iġib ix-xogħol għall-familji u għan-negozji.
Filwaqt li ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qed jitkellem dwar investimenti ġodda, enfasizza li mhux se jkun qed iħalli lil xi ħadd itellef minn din it-triq li qabad il-pajjiż.
Irresponsabbiltajiet li ħadd ma jsemmi
Il-Mexxej tal-PL aċċenna wkoll għal każijiet li ħadd ma semmiehom, li jinkludu nuqqas ta’ kredibbiltà, iżda li saru taħt amministrazzjoni preċedenti.
Semma każ fil-Qorti ta’ din il-ġimgħa, fejn xi ħadd akkużat bi traffikar ta’ droga kien meħlus minħabba sensiela ta’ żbalji. Qal li dan hu każ li jmur lura għall-amministrazzjoni preċedenti u ħadd ma tkellem dwaru.
Temm jgħid iżda li l-PL mhux se jaqa’ għall-iżball li jattakka l-istituzzjonijiet, jew imur barra jsib skuża biex jitkellem kontra l-pajjiż.
 “Ma nagħlqux għajnejna”
Dwar l-implikazzjonijiet tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru qal li l-Gvern mhuwiex jagħlaq għajnejh għal dak li ġara.
Muscat qal li bħala mexxej kien jaf li kull deċiżjoni li seta’ ħa kienet se ġġib il-kritika.
“Stajt bqajt hawnhekk, nidħol f’qoxorti u noqgħod nirrifletti, u nibgħat sinjal lill-barranin li Malta hawn xi ħaġa ħażina, u stajt immur inġib ix-xogħol lejn Malta u nfiehem dak li qed jiġri, u niġi kkritikat li jien insensittiv”, irrimarka Dr Muscat, filwaqt li qal li għażel tat-tieni.
Żied jgħid li kien iddeċieda wkoll li ma joqgħodx jilgħabha tal-ipokrita, jew jistaħba meta jsaqsuh dwar Daphne Caruana Galizia.
Il-protesta quddiem Kastilja
Dr Muscat tkellem ukoll dwar il-protesta li qed issir, u qal li għalkemm dawn qalu li l-Gvern qed jinjorahom, hu m’għandu ebda problema li jiltaqa’ magħhom.
Filwaqt li semma meta dawn irrifjutaw l-elettriku mingħand il-Gvern, qal li hu jirrispetta lil kull min irid jipprotesta, bħalma jirrispetta lil min fl-elezzjoni jagħżel ’il-Gvern li jrid imexxih.
"Minkejja t-tgħajjir tal-Gvern, l-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun il-vuċi tas-soċjetà ċivili" – PN
Il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa għal dak li qal il-PM, meta sostna li minkejja dak li sejjaħlu tgħajjir tal-Gvern, il-PN se jibqa' l-vuċi tas-soċjetà ċivili.
Sostna li Muscat ma ħax gost jisma' dak li qal Delia ftit tal-ħin qabel waqt intervista fuq Radio 101, meta qal li l-Oppożizzjoni se tressaq għadd ta' proposti waqt id-dibattitu ġarlamentari ta' għada dwar it-talbieet tas-soċjetà ċivili.
"Muscat mingħalih li minkejja l-qtil politiku tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kollox business as usual. Sejjer żball. Il-poplu Malti u Għawdxi issa m’għadux ixxukkjat imma rrabjat, u l-Oppożizzjoni se tibqa’ tkun il-vuċi quddiem dan kollu", ittemm tgħid l-istqarrija tal-PN.