“Ma tagħmilx sens li soċjetà kontra t-tipjip u x-xorb tippromwovi l-kannabis” – OASI

Il-Fondazzjoni OASI qalet li l-argument favur il-legalizzazzjoni ta’ sustanzi tossiċi li jbiddlu l-burdati, bħall-kannabis, m’għandux post f’soċjetà li saħansitra hija kontra t-tipjip u x-xorb.
Fi stqarrija, l-OASI spjegat li l-legalizzazzjoni tal-kannabis mhi se tkun xejn ħlief tentazzjoni għaż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li minn età żgħira qabdu l-vizzju tat-tipjip u tax-xorb.
Għalhekk, hija sostniet li l-Gvern għandu jipprovdi iktar għajnuna lil dawn iż-żgħażagħ biex jaffaċċjaw id-diffikultajiet tagħhom, minflok jillegalizza d-drogi li jikkonsmaw biex jaħarbu mir-realtà.   
L-OASI ċaħdet l-argument li l-kannabis għandha tiġi legalizzata biex ittaffi l-uġigħ ta’ nies li jsofru minn kundizzjonijiet partikolari, ladarba skontha jeżistu derivattivi minn prodotti naturali oħra li qed jintużaw bl-istess għan.
Skontha, il-legalizzazzjoni tal-kannabis se jwassal għal perċezzjoni li s-sutanza mhijiex perikoluża, filwaqt li fil-verità l-użu rikreattiv tal-kannabis jista’ jkollu effetti negattivi mhux biss fuq is-saħħa iżda anke fuq il-kwalità tal-ħajja tat-tfal, żgħażagħ u s-soċjetà fil-futur.
L-OASI saħqet li l-Ministeri tal-Edukazzjoni u tas-Saħħa għandhom jerfgħu r-responsabbiltà tad-diskussjoni u jinvestu f’riċerki ġodda li jistudjaw il-vizzji tad-drogi li jbiddlu l-burdati.
Għalhekk, sostniet li l-Gvern m’għandux jinkludi biss lill-partiti politiċi fid-diskussjoni dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis, iżda għandu jinkludi wkoll lill-professjonijisti u l-pazjenti tagħhom, li jkunu jistgħu jaqsmu r-riċerki u l-esperjenzi tagħhom mal-bqija tal-pubbliku, biex ma jurux biss is-sabiħ tal-konsum tad-droga.