Ma sarux talbiet lill-Google relatati mal-elezzjoni

Il-Pulizija għamlet 89 talba għall-informazzjoni lin-network soċjali Facebook li minnhom sitta kienu relatati mal-Att dwar l-Elezzjoni Ġenerali abbinat mal-Jum tas-Silenzju.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Pulizija ma għamlitx talba simili ma’ Google fil-konfront ta’ reklami politiċi li dehru fuq l-internet fil-jum tas-silenzju mill-partiti politiċi.

Dan ġie ikkonfermat mis-Cyber Crime Unit tal-Pulizija għall-mistoqsijiet li saru minn Newsbook.com.mt.

L-artiklu 114 tal-Att dwar l-Elezzjoni Ġenerali jistipola li ma jistgħux issir pubblikazzjonijiet jew reklami intiżi li jinfluwenzaw lill-votanti fl-elezzjoni ġenerali.

Min jinstab ħati jista’ jeħel bejn €1,164 jew priġunerija li tista’ tlaħħaq is-sitt xhur.

Matul is-sena li għaddiet, is-Cyber Crime Unit tal-Pulizija irċeviet 219-il rapport dwar użu mhux dovut tal-kompjuter.

Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, ir-rapporti li saru lill-Pulizija, jammontaw għal 71.

Fil-maġġoranza tagħhom, dawn ir-rapporti kienu jikkonċernaw diffikultajiet sabiex isir aċċess ta’ kontijiet elettroniċi, l-imejl jew il-profil fuq in-networks soċjali.