“Ma saret l-ebda talba għal salvataġġ” – Borg

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg ikkonferma fil-Parlament li l-awtoritajiet Maltin ma tawx permess l-operat ta’ ajruplan ta’ salvataġġ ‘Moonbird’.

Mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi f’domanda supplementari, l-Ministru qal li l-CAD (Civil Aviation Directorate) ma talbet l-ebda entita’ biex tagħmel operazzjonijiet ta’ salvataġġ fis-Search and Rescue Area ta’ pajjiżi terzi.

Huwa qal li fil-parlament, kemm il-Prim Ministru kif ukoll l-kap tal-oppożizzjoni għamlu stqarrija komuni dwar il-pożizzjoni ta’ Malta f’din il-kwistjoni.

Min-naħa tiegħu, Azzopardi tenna b’liema dritt Gvern iċaħħad entita’ milli twettaq operazzjoni ta’ salvataġġ kif toffri għajnuna lin-nies f’diffikulta’.

Borg irribatta li hu kien qed jagħti risposta teknika għal mistoqsija tal-interpellant.

L-ajruplan tat-tfittxija huwa operat mis-Sea Watch u mill-Inizjattiva tal-Piloti Umanitarji Svizzeri bl-appoġġ tal-Evangelische Kirche fil-Ġermanja.

Fi stqarrija Sea Watch qalet li minn issa ‘l quddiem ma jistgħux isiru titjiriet tat-tfittxija fit-Tramuntana tal-kosta Libjana.

Sea Watch tgħid li aktar minn 1,000 persuna kienu jgħerqu kieku ma kienx għall-intervent f’waqtu tal-ekwipaġġ tal-Moonbird li ta għajnuna lil diversi vapuri tal-immigranti li kienu f’diffikultajiet.