Ma sar xejn 4 ġimgħat wara li ġie espost Grech – MPA

Read in English.

Il-Malta Producers Association (MPA) qalet li għamlet rapport formali kontra l-Kummissarju tal-Films Johann Grech. L-MPA qalet li l-prattiċi korrotti ta’ Grech ilhom li ġew esposti erba’ ġimgħat imma li baqa’ ma sar xejn.

Fi stqarrija, l-MPA qalet li llum ilmentat mal-Uffiċċju tal-Ombudsman.

“Ilhom erba’ ġimgħat minn meta The Shift News espona l-prattiċi frodulenti u korrotti tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech li, mill-uffiċċju tiegħu nqabad jibgħat lista ta’ seba’ fornituri ta’ servizzi ta’ produzzjoni lil producers barranin filwaqt li ħalla barra 15-il kumpanija oħra. Minn dakinhar ftit sar. Johann Grech għadu fil-kariga tiegħu u ma bdiet l-ebda investigazzjoni. Dan jista’ jiġi deskritt biss billi qed joħroġ messaġġ li tirrenja l-impunità,” qalet l-MPA.

L-MPA qalet li ltaqgħet mal-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli li hija responsabbli għall-Malta Film Commission. L-assoċjazzjoni qalet li l-Ministru qablet li Grech kellu jiġi sospiż. Però jidher li dan ma sarx.

L-MPA qalet li l-Ministeru ħatar lil RSM Malta biex twettaq operational review tal-Kummissjoni. Qalet filwaqt li dan huma important, din mhix investigazzjoni fl-aġir ta’ Grech.

“L-MPA tapprezza li dan huwa żmien ta’ kriżi imma li dan ma jfissirx li prattiċi korrotti jsiru permessi,” qalet l-assoċjazzjoni.

L-Assoċċjazzjoni tal-Produtturi tal-Films Maltija qed titlob ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech. Dan qed isir wara l-allegazzjonijiet li l-Kummissjoni Maltija għall-Films kienet qed tippromwovi b’mod selettiv ċerti kumpaniji tal-films lokali ma’ produtturi internazzjonali u qed teskludi oħrajn fl-istess industrija.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Films Johann Grech ċaħad dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Fi stqarrija l-kummissjoni qalet li min-naħa tagħha ma tinterferixxix meta ssir l-għażla ta’ produzzjoni barrannija għall-produttur Malti.