‘Ma rridux Brexit bla ftehim’ – von der Leyen

Ursula von der LEYEN, Candidate for President of the European Commission meets with the EPP group

Il-President elett tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li mhux problema jekk ir-Renju Unit ikollu bżonn iktar żmien biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Saħqet li huwa importanti li l-pajjiż jitlaq mill-Unjoni Ewropea b’mod ordinat biex b’hekk ir-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiż jibdew bit-tajjeb.

Von der Leyen f’intervisti li tat li diversi ġurnali saħqet li l-Unjoni Ewropea se tkun qed tistenna sakemm jilħaq prim ministru ġdid fir-Renju Unit qabel ma jitkomplew id-diskussjonijiet.

Hi sostniet li ma jridux Brexit bla ftehim jew hard Brexit, għax dan ma jaqbel għall-ebda naħa. Sostniet li hi hemm ftehim ta’ Brexit li huwa tajjeb. Liema ftehim kien irrifjutat miż-żewġ kandidati li hemm għall-prim ministru tar-Renju Unit.

Boris Johnson jidher li huwa l-favorit li jsir prim ministru minflok Theresa May. Huwa qed iwiegħed li jekk jilħaq prim ministru fil-31 ta’ Ottubru r-Renju Unit se jitlaq b’ftehim jew mingħajru.

Il-parlamentari tar-Renju Unit approvaw numru ta’ proposti li se jagħmluha iktar diffiċli għall-prim ministru l-ġdid li jimponi Brexit bla ftehim billi jissospendi l-parlament.

Von der Leyen sostniet li jekk “sħabna l-Ingliżi għandhom raġunijiet tajba għat-talba tagħhom biex jestendu ż-żmien għad-diskussjonijiet, hi lestha tismagħhom.”