Ma qalulniex ninvestigaw frodi fit-tlielaq taż-żwiemel – il-Pulizija

Il-Pulizija qalet li “qatt ma ġiet infurmata” tinvestiga allegazzjonijiet ta’ frodi jew korruzzjoni b’rabta ma’ tellieqa taż-żwiemel magħrufa bħala l-GranFinale tal-istaġun.

Kelliema għall-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li fit-18 ta’ Diċembru ġew infurmati li kien inqala’ argument waqt it-tlugħ tal-poloz tal-GranFinale. Ir-rapport kien dwar għajjat u storbju.

“Il-partijiet involuti ġew mitkellma mill-Pulizija, fejn dawn ġew imwissija mill-Pulizija biex iżommu l-kwiet u l-paċi pubblika. Il-partijiet infurmaw lill-Pulizija li ma jridux li jittieħdu passi bil-Qorti.”

Skont artiklu tan-NET News fl-20 ta’ Diċembru, “wieħed mis-sidien taż-żwiemel ma qabilx mal-polza u kien hawn li nqala’ argument li matulu kien hemm ġlied fost akkużi lill-Kumitat bi frodi u korruzzjoni. Dan għaliex akkuża lill-Kumitat li bagħbas il-polza.” Skont NET News infetħet inkjesta maġisterjali.

Fl-istess gurnata, il-paġna fuq Facebook Malta Racing Club qalet li “l-Kunsill tal-Malta Racing Club ħass li kellu jinvestiga rimarka ta’ wieħed mis-sidien taż-żwiemel” peress li allega li seta’ kien hemm xi tbagħbis fil-polza. Intqal li tqabbad awditur independenti sabiex jinvestiga s-sistema.