“Ma qalulix bl-investigazzjoni ta’ sentejn ilu fuq Colson” – Keith Schembri

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri qal li hu ma kienx infurmat mill-awtoritajiet kompetenti, “b’investigazzjoni ta’ sentejn ilu li kienet qed issir mill-investigaturi kontra l-ħasil tal-flus fil-British Virgin Islands (BVI), dwar il-kumpanija offshore tiegħu, Colson”.
Dan qalu fi stqarrija fejn irreaġixxa għall-artiklu tat-Times of Malta, li jgħid li skont dokumenti ġodda, sar stħarriġ fil-kumpanija ta’ Schembri, li fl-2014 kellha $725,000, ekwivalenti għal €600,000.
It-Times irrappurtat li skont il-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung, it-Taqsima tal-Investigazzjonijiet Finanzjarji tal-BVI fl-2016 staqsiet għal aktar informazzjoni dwar il-kumpanija ta’ Schembri.
Allegat li l-kumpanija ta’ Schembri kienet moħbija mill-pubbliku sal-2016, meta l-identità tal-persuna li tmexxiha nkixfet permezz tal-Panama Papers.
It-Times of Malta ppubblikat ukoll dawk li qed issejjaħ ir-rapport tal-Aġenzija għall-Investigazzjoni Finanzjarja tal-British Virgin Islands u l-accounts tal-kumpanija fl-2014.
Fir-reazzjoni tiegħu, Schembri sostna li l-istorja tat-Times turi li minkejja li l-awtoritajiet kompetenti investigaw l-istrutturi u l-andament tal-kumpanija tiegħu, jidher li ma sabu xejn dwar xiex jikkummentaw.
Filwaqt li qal li din l-aħbar hija l-biċċa l-kbira rriċiklata, Schembri stqarr li Colson twaqqfet qabel ma nħatar Chief of Staff.