Ma nstabx ħati li seraq passaport biex issiefer it-tfajla tiegħu

Libjan ta’ 38 sena ma nstabx ħati li seraq il-passaport ta’ martu biex it-tfajla tiegħu tkun tista’ titlaq minn Malta. Fil-Qorti l-prosekuzzjoni ppreżentat biss stqarrija bil-miktub tal-mara tal-akkużat li rrifjutat li tiġi Malta biex tixhed kontra żewġha.

Il-Libjan kien tressaq il-Qorti fid-9 ta’ Settembru li għadda akkużat li seraq u kien fil-pussess ta’ passaport falz.

Fid-deċiżjoni tiegħu l-Maġistrat Victor Axiak qal li l-prosekuzzjoni ma tellgħet l-ebda persuna biex tixhed f’dan il-każ, ħlief l-istqarrija tal-mara, li hija l-istess persuna li għamlet ir-rapport fl-għassa tal-pulizija fil-Ħamrun. Fir-rapport hija akkużat lil żewġha li seraq il-passaport tagħha ħalli hu jkun jista’ jsiefer mat-tfajla u binthom.

L-avukat tal-akkużat oġġezzjona għall-istqarrija bil-miktub tal-mara u qal li huwa ma kellux l-opportunità li għamel kontro-eżami lill-persuna li għamlet din l-allegazzjoni. Il-Qorti kienet iddikjarat li l-istqarrija bil-ktiba tal-mara ma tistax titqies bħala xhieda kontra l-akkużat.

Mal-pulizija l-akkużat spjega li huwa kien qiegħed jippjana vaganza ma’ bintu f’Antwerp il-Belġju u t-tfajla tiegħu kienet qiegħda tgħinu fil-preparazzjonijet. Huwa żied li meta waslu l-Ajruport it-tfajla tiegħu qaltlu li kienet sejra magħhom. Huma ġew arrestati ftit jiem wara mill-pulizija.

Min-naħa tiegħu l-akkużat iddeċieda li ma jixhidx u xehdet it-tfajla tiegħu li qiegħda tiskonta sentenza ta’ ħabs wara li nstabet ħatja li serqet dawn id-dokumenti. F’Ottubru 2020, hija kienet ammetthiet li serqet il-passaporti mill-karozza tal-akkużat. Hija qalet li serqet b’kollox tliet passaporti: tal-akkużat, tat-tifla u tal-mara tiegħu. Fil-Qorti hija kienet qalet li l-intenzjoni tagħha kienet li ssiefer mar-raġel u bintu.

Il-Maġistrat qal li huma ma emminx dak li ntqal fil-Qorti minħabba li kien hemm ammont ta’ inkonsistenzi u kontradizzjonjiet li saru min-naħa tal-akkużat. Żied li madankollu l-mara telqet minn Malta fi stadju bikri tal-proċeduri u rrifjutat l-attentati li saru mill-pulizja Maltija biex tixhed f’dan il-każ u għalhekk il-prosekuzzjoni kellha nuqqas ta’ xhieda.

Il-Qorti spjegat li d-deċiżjoni tagħha għandha ssir fuq l-evidenza preżentata u għalhekk ma sabitx lil Libjan ħati u lliberatu minn kull akkuża.