Ma nstabux każijiet mill-quddies u mill-hairdressers – Dr Melillo

L-għawm jibqa’ sigura jekk ma jsirx fi gruppi

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

Read in English.

Dr Tanya Melillo, il-konsulent mediku fil-qasam tas-saħħa pubblika, qalet li sa issa ma nstabux każijiet pożittivi li ħadu l-virus mill-quddies jew mingħand il-hairdressers.

F’intervista fuq Newsbook.com.mt hija spjegat li mill-evalwazzjoni li saret tal-każijiet ma deherx li l-persuni pożittivi għall-coronavirus ħadu l-virus mill-knejjes jew mill-hairdressers.

L-intervista xxandret LIVE ftit tal-ħin wara li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar il-miżuri l-ġodda f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci.

Stqarret li b’hekk jidher li dawn il-postijiet qed josservaw ir-regoli fosthom tad-distanza u tal-maskri.

Fl-istess programm tkellem Fr Andrea Zaffarese mill-Arċidjoċesi ta’ Malta li huwa responsabbli mill-protokolli li japplikaw fil-knejjes.

Huwa spjega li kull min jidħol fil-Knisja jiġi ttestjat għat-temperatura, jrid jilbes il-maskra jew vizor u jrid jagħmel is-sanitizer. Qal li hemm protokolli oħrajn għal dawk li jaħdmu fil-knejjes fosthom għal kif jiġu ppreparati l-ostji fil-pissidi u kif jitnaddfu l-oġġetti l-oħra fil-knejjes. L-ammont ta’ nies permessibbli jvarja skont id-daqs tal-knejjes. Qal li l-istess regoli tal-quddies japplikaw ukoll għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Griżma u l-Preċett li għad fadal.

L-għawm jibqa’ sigura jekk ma jsirx fi gruppi

Dr Tanya Melillo wieġbet ukoll għall-mistoqsijiet tal-qarrejja ta’ Newsbook.com.mt fosthom dwar l-għawm. Hija qalet li l-għawm jibqa’ sigura jekk ma jsirx fi gruppi. Sostniet li l-pubbliku għandu xorta jżomm ‘il bogħod minn persuni oħra. Ħeġġet biex il-pubbliku juża’ s-sens komun biex meta bajja partikolari tkun mimlija, in-nies tmur tgħum f’bajjiet oħrajn.

Dwar il-miżuri mħabbra llum, Melillo qalet li se jkunu “effettivi u se jagħmlu differenza żgur”. Spjegat li n-numri bdew jiżdiedu minn wara l-15 ta’ Lulju meta bdew ġejjin barranin lejn Malta minn aktar pajjiżi. Fissret li l-barranin kienu qed imorru f’postijiet fejn ħafna Maltin jiffrekwentaw u l-awtoritajiet identifikaw dawn il-postijiet minn fejn bdew jiżdiedu l-każijiet. Spjegat li l-clusters minn postijiet oħrajn baqgħu jiżdiedu peress li kien hemm iċ-ċirkolazzjoni ta’ nies pożittivi bil-coronavirus.

Dr Melillo spjegat li l-miżuri jiġu evalwati wara ħmistax minħabba li n-nies li kellhom kuntatt ma’ persuna pożittiva jistgħu jirriżultaw huma wkoll bħala każi pożittivi sa ħmistax-il ġurnata wara. Qalet li n-nies esposti jridu jkunu fi kwarantina peress li jistgħu jkunu pożittivi għall-virus anke mingħajr sintomi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn