Ma nstabet l-ebda droga wara spezzjonijiet għall-għarrieda fil-ħabs

Ma nstabet l-ebda droga fil-ħabs wara li saru aktar spezzjonijiet għall-għarrieda fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

L-ispezzjoni din id-darba kienet ordnata mid-Direttur tal-Ħabs u saret permezz ta’ 26 uffiċjal korrettiv, membri mill-Ispecial Response Team, u żewġ uffiċjali tal-pulizija mit-Taqsima tal-klieb ta’ kontra d-droga.

It-tfittxija li kienet waħda intensiva, saret f’Diviżjoni 1, f’Diviżjoni 2 u fl-iskola tal-Faċilità.

It-tfittxijiet damu għaddejjin madwar tliet sigħat u nofs

Filwaqt li ma nstabet l-ebda droga, instabu numru ta’ oġġetti li mhumhiex permessi fiċ-ċelel fosthom żewġ mowbajls, internet key, sim card, hard disk u pen drive.

Din it-tfittxija saret fid-dawl tal-fatt li qed tintensifika l-ħidma fil-ħabs biex tinqered id-droga, problema li ilha tippersisti fil-Faċilità għal diversi snin.

Il-Ministru tal-Intern Manuel Mallia appella lit-tmexxija tal-ħabs biex tkompli tippersisti fit-tfittxijiet hekk kif il-ġlieda kontra d-droga fil-ħabs ghandha tkun waħda li tibqa’ għaddejja bla waqfien.