“Ma nivvintawx rota li ma taħdimx fejn tidħol il-prostituzzjoni” – Coleiro Preca

Il-Presidenti Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca semmgħet leħinha fuq il-kwistjoni tal-prostituzzjoni u appellat biex ma tiġix ivvintata rota li ma taħdimx.

Dan qalitu issa li wasal biex jitlesta r-rapport tal-Kumitat Tekniku għar-Riforma dwar il-Prostituzzjoni. Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, il-Koalizzjoni dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni qalet li l-Gvern ta l-approvazzjoni tiegħu biex Malta tinbidel f’ċentru ta’ turiżmu sesswali. Dan sar permezz ta’ kumitat tekniku ‘difettuż’ li qed jipproponi li l-prostituzzjoni tiġi dekriminalizzata.

Coleiro Preca, li hi membru tal-Koalizzjoni Nazzjonali fuq it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni, saħqet li jekk il-prostituzzjoni tiġi dekriminalizzata f’Malta, din se tikber. Saħqet li jeħtieġ li l-Kumitat Tekniku jkun jinkludi esperti fil-qasam, tal-anqas rappreżentanza tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza.

Fuq nota aktar pożittiva, hija qalet li dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela din il-ġimgħa għamlitilha kuraġġ, meta hu qal lill-ġurnalisti li jrid jgħin lil dawk li kellhom iduru għall-prostituzzjoni biex joħorġu minnha, u meta qal li ma jridx aktar briedel f’Malta.

L-appell tal-President Emeritu fl-artiklu tagħha fuq The Times of Malta llum kien li Malta għandha tħares lejn mudelli tal-prostituzzjoni li diġà ħadmu f’pajjiżi oħra, u mhux taddotta wieħed li ma jaħdimx.

X’qalet il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza?
Il-prostituzzjoni eżerċizzju ta’ kontroll mill-irġiel fuq in-nisa – NCPE