“Ma nittollerax soċjetà li tikkundanna lill-omm biss” – Muscat

Il-Prim Ministru u l-mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat sostna li mhux se jittollera li s-soċjetà Maltija tikkundanna lill-omm it-tarbija li ġiet abbandunata l-Ġimgħa qisha aġixxiet waħedha. Sostna li tarbija hija tal-missier daqs kemm hija tal-omm u għaldaqstant huma responsabbli ugwalment.

Dan qalu waqt intervista qasira dalgħodu fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, fejn insista li dan l-atteġjament juri l-mentalità maskilista li għadha tirrenja fil-pajjiż. Sostna li hemm bżonn li tirrenja l-empatija u li wieħed jieħu l-ħin li jifhem x’wassal biex dawn il-ġenituri jabbandunaw lit-tarbija tagħhom b’dan il-mod.

Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru faħħar lill-poplu Malti wara li mijiet u eluf ta’ familji u ġenituri offrew li jaddottaw lit-tifel. Spjega li jemmen li jekk ikun hemm bżonn jaf biċ-ċert li f’Malta ma jkunx hawn familja li ma toffrix li taddotta lit-tifel.

“6,300 karozza anqas fit-toroq bl-iskema tat-trasport tal-iskejjel”

Muscat spjega kif il-miżura l-ġdida li se tkun qed toffri trasport pubbliku b’xejn lit-tfal li jattendu skejjel tal-Knisja u dawk indipendenti se twassal sabiex ikun hemm mas-6,300 karozza anqas fit-toroq, li jfisser li se tittaffa l-problema tat-traffiku.

Irrimarka li issa l-familji se jkollhom aktar flus f’idejhom u mhux se jidħlu fl-iskariġġ li jħallsu u jirċievu refużjoni hekk kif il-Gvern laħaq ftehim mal-fornituri tat-trasport tal-iskejjel u għalhekk il-ħlas se jsir b’mod dirett mal-Gvern.