“Ma nistgħux nużaw u narmu ‘l-immigranti” – Kummissjoni

Daniel Darmanin mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qal li trid tinbidel il-mentalità li l-immigranti l-ewwel jintużaw għal skopijiet ta’ xogħol għax ikun hemm bżonn, imbagħad jintremew.
Fil-programm Newsline fuq RTK 103FM, Daniel Darmanin tkellem dwar id-dokument li nħareġ mill-Kummissjoni Emigranti u dik għall-Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta, li jisħaq dwar il-bniedem li għandu jkun fil-qofol ta’ kull sistema soċjali u ekonomika.
Qal li dan japplika kemm għal dan iż-żmien meta l-andament ekonomiku ta’ Malta huwa wieħed tajjeb, iżda wisq aktar meta l-ambjent ekonomiku ma jibqax tajjeb daqs dak tal-lum.
Kien hawnhekk li semma kif il-Papa Franġisku jorbot ħafna x-xogħol mal-aspett ambjentali, fejn spjega kif fil-kuntest lokali qed naraw rata mgħaġġla ta’ żvilupp.
Daniel Darmanin tkellem dwar l-immigranti li fi kliemu qed jagħtu l-kontribut tagħhom fis-soċjetà Maltija. Sostna li għandhom jiġu rikonoxxuti ta’ dan, partikolarment għax qed jagħmlu xogħol li ma jridux il-Maltin.
Dwar il-paga minima nazzjonali, qal li din lanqas tmiss lill-immigranti kollha għax ħafna minnhom ma jaħdmux fuq bażi regolari.
Aċċenna għal kif uħud mill-barranin li għandhom il-flus jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija, u min-naħa l-oħra min ilu f’Malta għexieren ta’ snin jagħti l-kontribut tiegħu lejn l-ekonomija Maltija, ma jingħatax iċ-ċittadinanza.
Il-kelliem tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi temm jgħid li d-dokument li ħarġet il-Kurja, jinkludi erba’ oqfsa leġiżlattivi fosthom dak li jirregolarizza l-istatus tal-immigranti, fejn qal li f’xi każijiet lanqas biss jippermettilhom jiftħu kont tal-Bank.
Ritratt: Arkivji