Ma nistgħux nitkellmu – impjegati tal-HSBC

Il-ħaddiema ta’ waħda mill-fergħat tal-HSBC li se jkunu qed jingħalqu fiż-żmien li ġej qalu li ma jistgħux jitkellmu dwar is-sitwazzjoni.

Newsbook.com.mt żar il-fergħa tal-Ħamrun illum li hija waħda minn 9 li se jkunu qed jingħalqu sat-tmiem ta’ din is-sena. Hemmhekk għamel diversi tentattivi sabiex jitkellem mal-impjegati li kienu għadhom kif temmew il-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Madanakollu, kollha qalu li ma jixtiqux u lanqas jistgħu jitkellmu.

Aqra: “Issa aħna l-anzjani x’se nagħmlu?” – klijent tal-HSBC tal-Ħamrun

Hemmhekk, Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ diversi klijenti li sostnew li jinsabu ferm inkwetati dwar l-għeluq. Anzjan partikolari staqsa x’se jiġri minnu u mill-anzjani kollha li jgħixu l-Ħamrun u jmorru jiġbru l-pensjoni tagħhom mill-bank.

Il-Bank HSBC dalgħodu ħabbar li se jkun qed jagħlaq il-fergħat tiegħu fi tmien lokalitajiet madwar Malta. Il-fergħat li se jingħalqu huma dawk ta’ Birżebbuġa, Bormla, il-Fgura, il-Ħamrun, Wied il-Għajn, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar. Il-bank se jkun qed iżomm is-servizz ta’ ATM u deposit machines f’dawn il-lokalitajiet. Intant, il-fergħat ta’ Ħal Balzan u ta’ Ħal Qormi se jingħalqu wkoll u s-servizzi tagħhom se jiġu trasferti għal fergħa innovattiva fl-uffiċċju prinċipali tal-bank f’Ħal Qormi.

Aqra: Aġġornata: HSBC se jagħlaq 9 fergħat

Il-bank spjega li dan kollu ġie wara li ħadem fuq pjan strateġiku ġdid ibbażat fuq il-bżonnijiet bankarji tal-klijenti fid-dinja tal-lum.