“Ma nistgħux nibqgħu gallarija quddiem is-slaleb tal-proxxmu”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech saħaq li s-saċerdoti ma jistgħux jibqgħu gallarija quddiem is-slaleb tal-proxxmu.
Fl-Omelija fl-okkażjoni tal-149 sena mit-twaqqif tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù f’Għawdex, l-Isqof Grech insista li s-saċerdot irid jerfa’ s-salib ta’ ħutu.
Irrifletta fuq il-periklu tas-saċerdoti li jkunu dixxipli li jimxu ma’ djul Kristu, imma ma jkollhomx esperjenza tiegħu.
Mons. Grech appella lis-saċerdoti biex jeskludu dak li jista’ jfixkel il-laqgħa tagħhom ma’ Kristu. Żied jgħid li min ikollu x-xorti li jiskopri l-ġmiel ta’ Kristu, iħalli kollox biex ma jitilfux.
L-Isqof ta’ Għawdex spjega li l-laqgħa ma’ Kristu ma tifridx lis-saċerdoti mill-bnedmin, anzi twassalhom biex jerfgħu l-piż tal-oħrajn.
Sostna li għas-seminarista li qed jifforma ruħu għas-saċerdozju, is-sejħa sabiex jerfa’ salibu u jimxi wara Kristu, għandha tiġi mifhuma bħala missjoni biex mhux biss jerfa’ salibu imma dak tal-oħrajn ukoll.
L-Isqof awgura li s-Seminarju jkompli jkun dar li tifforma dixxipli li fihom jissawwar Kristu.