“Ma nistgħux nagħtu informazzjoni dwar Konrad Mizzi” – Nexia BT

Il-Managing Partner ta’ Nexia BT qal ma’ Newsbook.com.mt li ma jistax iwieġeb għall-mistoqsijiet dwar il-ftuħ ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Brian Tonna, li qed ikun rappurtat li ta pariri lill-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff  fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri, spjega li Nexia BT hi marbuta li "żżomm kunfidenzjali l-identità u l-affarijiet tal-klijenti tagħha."
Newsbook.com.mt staqsa fost l-oħrajn jekk Nexia BT ippruvatx tiftaħ kontijiet bankarji f’isimhom mingħajr il-kunsens tagħhom, jekk kienx hemm bżonn firem biex jitkompla l-proċess u jekk kinux infurmati b’dak kollu li kien għaddej.
Staqsejna wkoll jekk Nexia BT hux se tieħu azzjoni biex tiddefendi l-kreddibilità tagħha quddiem l-akkużi li kienet hi li tat dawn il-pariri, u jekk kienx hemm klijenti oħra tagħha li rtiraw il-kontijiet jew kumpaniji fil-Panama meta faqqa’ dan l-iskandlu.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-opinjonisti Godfrey Grima u Frank Portelli sostnew li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom iħarrku lil Nexia BT, jekk din ippruvat tiftaħ kontijiet bankarji f'Dubaj jew fil-Panama f'isimhom, minn wara daharhom.