‘Ma nistgħux naffordjaw li tiġina ħażin’ – konsulenti fl-ITU

hospital bed

Read in English.

Konsulenti li jaħdmu fit-taqsima tal-kura intensiva fl-Isptar Mater Dei wissew li deċiżjoni ħażina fuq kif tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19 ikollha effetti devastanti fuq is-sistema tas-saħħa ta’ Malta, hekk kif appellaw li l-awtoritajiet jieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli li hemm bżonn biex dan jiġi evitat.

“Anke dewmien ta’ ġimgħa biss biex tikkontrolla l-imxija jista’ jkollha effett devastanti fuq is-sistema tas-saħħa, partikolarment f’pajjiż żgħir mingħajr ġirien li jistgħu jgħinuna immedjatament. Ma nistgħux naffordjaw li tiġina ħażin,” insistew il-konsulenti f’intervista mat-Times of Malta.

Bżonn ta’ deċiżjonijiet diffiċli

“Ħaddiema tal-isptar qed jagħmlu dak li jistgħu bir-riżorsi u enerġija li għandhom,” spjegaw il-konsulenti. “Nistennew li l-politiċi jagħmlu l-istess biex imexxu dan il-pajjiż waqt din il-kriżi billi jibagħtu l-messaġġi tajbin u jieħdu d-deċiżjonijiet – li spiss ikunu diffiċli – f’waqthom.”

Għalkemm ikkonfermaw li s’issa, d-deċiżjonijiet tajbin dejjem ittieħdu fi triage fl-ITU, wissew li s-sistema tista’ tiġi megħluba jekk in-numru ta’ pazjenti jibqa’ tiela’.

Innutaw li f’ITUs madwar l-Ewropa, meta kienu f’sitwazzjoni simili, is-sistema kkollassat b’żieda ta’ xi 25% fin-numru ta’ pazjenti. Fakkru li f’Malta, din tfisser żieda ta’ madwar 5-10 pazjenti.

Il-konsulenti osservaw li meta jitla’ in-numru ta’ kazi ta’ Covid-19, in-numru ta’ pazjenti li jintbagħtu l-ITU jitla’ xi ġimgħa jew tnejn wara. Minħabba n-numru għoljin tal-ġimgħa l-oħra, bħalissa mistennija jidħlu xi 2-3 pazjent ġdid kuljum fl-ITU.

Fakkru wkoll li pazjenti oħrajn ikollhom bżonn l-ITU, u li pazjenti ġeneralment idumu madwar 10-15 jum fit-taqsima.

Minuta tajjeb, l-oħra le

Il-konsulenti qalu wkoll li l-pandemija kienet sfida akbar minn dawk tal-passat għax pazjent jista jaqleb minn asintomatiku għal pazjent bi bżonn tal-ITU f’ħin qasir ħafna.

“Iltqajna ma ħafna sitwazzjonijiet fejn il-pazjent ikun qed ikellmek u ma jkunx jidher fi stat ħażin, meta t-testijiet kliniċi juru li l-marda hi fi stat avvanzat ħafna li jista’ jwassal għal deterjorazzjoni fil-qasir<” spjegaw.

Enfasizzaw ukoll li anke persuni żgħażagħ mingħajr kundizzjonijiet ulterjuri jkollhom riskju ta’ kumplikazzjonijiet u mewt: il-pazjenti bil-Covid-19 fl-ITU varjaw bejn 30 u 85 sena.

“It-tim tagħna qed jagħmel minn kollox biex jikkumpensa għal din it-traġedja umana billi juri aktar impenn lejn familji biex jgħinhom jaffaċċjaw il-fatt li qrabathom jistgħu resqin lejn tmiem ħajjithom f’dan l-ambjent surreali,” qalu il-konsulenti.

Però żiedu li r-rwol importanti tagħhom qiegħed jiġi injorat wisq.