Ma nistgħux inkomplu bħala “business as usual” – Sant

Alfred SANT in the EP in Strasbourg

Read in English.

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant qal li filwaqt li jrid ikun hemm sens ta’ kontinwità, ma jistax kollox ikompli għaddej “business as usual”.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Sant qal li issa se jkun qed jistenna li Abela, bħala l-Mexxej Laburista l-ġdid, jagħti t-ton għall-amministrazzjoni li se jkun qed imexxi. Qal li se jkun kruċjali li fuq governanza u ambjent, jidher u jinħass li hemm gwida ġdida u soda.

“Is-settur tan-negozju jrid jinżamm kuntent biex jaħdem kif xieraq imma bl-ebda mod is-settur jew partijiet minnu ma jkollhom il-lala li kollox isir kif iriduh huma u kif jaqbel lilhom,” temm jgħid Sant.

Propju fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu, it-tesserati tal-Partit Laburista eleġġew il-mexxej il-ġdid tagħhom, Robert Abela, li rnexxielu jgħeleb lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Fi stqarrija, il-PN qal li minkejja li ġie elett mexxej ġdid tal-Partit Laburista “jidher ċar li xejn mhu se jinbidel fil-Gvern Laburista.”

Fid-diskors tiegħu tar-rebħa, Abela qal fost l-oħrajn li ma jridx nisma’ iktar “bin-nies ta’ Chris u bin-nies ta’ Robert” għax huma lkoll tfal tal-Partit. Hu kompla billi rringrazzja lil Fearne u qal li dan kien biss il-bidu tal-ħidma li huma jridu jagħmlu flimkien għal Malta. Qal li se jkun qed ikompli l-proġett ta’ Muscat “ħaj u b’saħħtu”. Insista li mhux se jgħalaq għajnejh għall-iżbalji iżda qal ukoll li l-aqwa żmien “fadallu għaddej u għad irid jiġi”.