“Ma nistgħux inħallu t-traffiku jiddetta l-użu tal-art agrikola” – Sant

L-MEP jiftħilha kontra l-pjanijiet għall-bypass tal-Imrieħel

Alfred Sant art agrikola

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant qal li ma jistax ikun li t-traffiku jibqa’ jiddetta l-użu tal-art agrikola. Dan qalu b’reazzjoni għall-pjanijiet ta’ Infrastructure Malta li twessa’ l-bypass tal-Imrieħel ġol-art agrikola.

F’kitba fuq Facebook dalgħodu, l-MEP qal li jekk dan huwa minnu, il-protesti li qed isiru huma ġustifikati.

Sostna li, “Ma jistax ikun li nibqgħu sejrin bl-istrateġija li nkabbru t-toroq prinċipali a skapitu tal-art agrikola… imbagħad f’inħawi għammiela bħall-Imrieħel, u li jdawru inħawi oħra fejn qabel kien hemm il-biedja imma llum għandna konċentrament ta’ bini residenzjali u kummerċjali.”

Il-proġett, flyover ġdida fil-bypass tal-Imrieħel, se jikkawża t-teħid ta’ aktar minn 20 tomna ta’ raba’ maħdum u se jeqred l-attività tal-biedja fiż-żona, skont l-NGO Moviment Graffitti, li s-Sibt li għadda għamlet protesta u indirizzat konferenza tal-aħbarijiet fuq il-proġett.

Sant qal li dawn l-użanzi għandhom jieqfu jekk verament aħna l-Maltin ngħożżu l-identità tagħna u l-ambjent. Ikkritika lil Infrastructure Malta u qal li aktar ma jmur, aktar jidher ċar li din l-entità għandha tkun iżjed trasparenti u kontabbli għall-pjanijiet u l-proġetti li tkun qed taħdem fuqhom.

Jekk veru dak li qed jintqal u Infrastructure Malta tinsab għaddejja bi pjani biex twessa u tifrex il-byepass…

Posted by Alfred Sant on Sunday, December 20, 2020

Ilbieraħ anke l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca semmgħet leħinha fuq dan il-proġett.

Hi kkundannat il-proposta ta’ Infrastructure Malta u staqsiet jekk hux se jkompli l-istupru li sofra Ħal Qormi matul l-aħħar 50 sena. F’difiża ta’ raħal twelidha, il-President Emeritu insistiet li l-Qriema mhumiex kontra l-progress, iżda wissiet li l-progress irid iservi lin-nies biex ikun progress ta’ vera.

Il-fehma tal-President Emeritu
“Kemm se jdum ilaqqat Ħal Qormi?”