‘Ma nistax nifhem kif iddaħħlu fil-klassi meta x-xogħol ma kienx lest’ – Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ma jistax jifhem għaliex iddaħħlu persuni fi spazju li għadu għaddej minn xogħol ta’ manutenzjoni. Dan qalu permezz ta’ post fuq Facebook dwar il-każ riċenti li ħareġ fil-media dwar klassi partikolari f’kundizzjoni ħażina fl-iskola ta’ Santa Tereża f’Santa Venera.

Il-Ministru sostna li l-paniku li qam fuq il-media huwa “frattarija għal xejn u ħafna eżaġerazzjoni bla sens”. Spjega li x-xogħol ta’ manutenzjoni kien ippjanat li jsir fis-sajf, qabel ma jidħlu t-tfal tal-Kindergarten. Spjega li infatti, it-tfal għadhom ma daħlux. Qal li x-xogħlijiet fuq il-klassi partikolari kellhom isiru fi tmiem din il-ġimgħa u jitlestew qabel ma jidħlu t-tfal l-iskola. Insista li x-xogħol ma jsirx kollu f’daqqa iżda jitqassam biċċa biċċa.

Dan kollu beda minn post ta’ omm fuq Facebook fejn tellgħet ritratti tal-klassi li fiha se tkun qed tattendi bintha għal-lezzjonijiet tal-Kindergarten 1 minn nhar it-Tlieta li ġej. Hi spjegat li għall-ewwel huma daħlu fil-klassijiet ta’ fuq, li kienu għadhom kemm ġew imsebbħa u l-ġugarelli mnaddfa. Kien hemm xi ġenitur li mbagħad talab biex jara l-klassi li fiha kien se jkun hemm it-tfal tiegħu u kien hawn li ddaħħlu fil-klassi kontroversjali. Jidher li l-għalliema li kienet qed tagħmel it-tour għall-ewwel ma riditx iddaħħalhom fil-klassi, iżda l-ġenituri insistew.

Malli daħlu fil-klassi, l-omm spjegat li kien hemm riħa qawwija ta’ moffa. Qalet li r-riħa li kienet ħierġa mit-toilet kienet riħa bħal li kieku kien hemm xi ħaġa mejta. Qalet li sal-ġugarelli kienu miksijin bil-moffa.

L-omm qalet li flimkien mal-ġenituri l-oħrajn tkellmu mal-Prinċipal li spjegat li l-moffa kienet ġejja mill-art, minħabba l-umdità. Hi kompliet tgħid li din mhix problema li tista’ tissolva malajr. Il-ġenturi mbagħad offrew li jmorru huma stess inaddfu u jirranġaw il-klassi ta’ wliedhom, bil-flus tagħhom stess. Sostniet li l-għan tagħhom huwa li wliedhom ikollhom ambjent sigur u nadif. Minkejja dan, l-għajnuna tagħhom ġiet irrifjutata.

Il-Ministeru jwieġeb dwar il-kontroversja

Fi stqarrija, il-Ministeru sostna li x-xogħol fuq din il-klass huwa parti mix-xogħlijiet li se jitlestew f’din l-iskola qabel jidħlu t-tfal tal-Kinder. Fost ix-xogħlijiet li saru f’din l-iskola hemm tikħil u tibjid ta’ żewġ kurituri fil-livell ta’ isfel u ħames klassijiet, ħames klassijiet tal-Kinder 2 u għaddej xogħol fuq il-kurituri. Dawn minbarra li saru uffiċju ġdid għas-segretarji, boardroom ġdida, bank tal-kċina ġdid fil-breakfast room, imwejjed u siġġijiet ġodda f’numru ta’ klassijiet tal-kinder, u aperturi ġodda fit-tieni sular biex jingħalqu l-arkati għal fuq il-bitħa. Se jinbeda wkoll ix-xogħol fuq il-faċċata ta’ ġewwa (il-bitħa), u bħalissa qiegħed jintrama l-iscaffolding biex jinbeda dan ix-xogħol ukoll.

Il-Ministeru ċċara li dan l-ispazju jintuża mit-tfal tal-kindergarten, li għadhom ma bdewx l-iskola, u għalhekk dan l-ispazju għadu mhux jintuża mit-tfal. Ix-xogħol tal-klassijiet u l-kuritur li dwarhom qamet il-kwistjoni fil-fatt inbeda diġà u kif kien pjanat, il-klassijiet u l-kuritur tal-Kinder 1 li se jintużaw il-ġimgħa d-dieħla qed ikunu mkaħħlin u mbajda wkoll. Dan biex meta jidħlu t-tfal ikunu lesti mit-tikħil u t-tibjid.

Il-ministeru hu informat li t-tmexxija tal-Kulleġġ u tal-iskola spjegaw lill-ġenituri tat-tfal fil-kinder li x-xogħol kien pjanat. Fil-fatt, il-ministeru jikkonferma li t-tikħil u l-ewwel tibjida huma lesti.

Il-ministeru fakkar li matul dan is-sajf saru numru ta’ proġetti ta’ manutenzjoni u tisbiħ fi skejjel ġewwa l-Qawra, ż-Żejtun, Marsaxlokk, San Ġiljan, il-Ħamrun, il-Blata l-Bajda, il-Marsa, Ħaż-Żebbuġ u f’numru ta’ lokalitajiet f’Għawdex. Sar ukoll investiment ta’ 5,210 mwejjed, 7,810 siġġijiet ġodda u kważi 11,000 locker ġdid, filwaqt li ġew imbajda mat-23,000 metru ta’ kurituri u 636 klassi.

Hemm klassijiet bla mwejjed u siġġijiet – UPE

Il-Unjin għall-Għalliema Professjonali (UPE – Voice of the Workers) qalet li hemm għadd ta’ klassijiet li m’għandhomx imwejjed u siġġijiet. Fi stqarrija, l-UPE qalet li hemm diversi affarijiet fis-sistema tal-edukazzjoni li marru għall-agħar meta mqabbel mas-sena l-oħra. Qalet li hemm numru ta’ skejjel li jinsabu fi stat diżastruż. Qalet li l-iskejjel ta’ St Thomas Moore, San Injazju, u l-Kulleġġ ta’ Għawdex għandhom diversi klassijiet li m’għandhomx imwejjed u siġġijiet.