Ma nirreżitux lill-Ispirtu s-Santu

Il-Papa Franġisku wissa’ biex “ma nirreżistux lill-Ispirtu s-Santu u nkunu miftuħa għas-sorpriżi li jagħmlilna Alla u ma nibżgħux min-noviltajiet fil-Knisja”.  Hu għamel din it-twissija waqt Omelija, l-għada li rċieva ittra minn erba’ kardinali li qed jiddubitaw mit-tagħlim tiegħu fl-Enċiklika Amoris Laetitia, li talbu biex jiltaqgħu miegħu.
Għalkemm il-Papa ma weġibx għall-ittra li bagħtulu dawn il-Kardinali, ħafna qed jinterpretaw li din l-Omelija kienet tweġiba indiretta għall-ittra tagħhom.’
Il-Papa qal li l-Ispirtu s-Santu jagħmel mirakli u joħloq affarijiet ġodda u “ovvjament hemm min jibża’ minn affarijiet ġodda fil-Knisja. Alla li jissorprendina, jista’ joħloq diffikultajiet kif kellu jiffaċċja San Pietru minn xi dixxipli għax kienu jafu li anke l-pagani laqgħu l-kelma t’Alla”.
Pietru kien imċanfar, fakkar il-Papa, għax skont il-kritiċi tiegħu kien skandlu li wassalhom jistaqsu: “Int Pietru il-blata li fuqha hi mibnija l-Knisja! Fejn se twassalna?” Imma Pietru ra sinjal minn Alla li għenu jieħu deċiżjoni kuraġġjuża. 
“L-ewwel Vigarju ta’ Kristu kien lest jaċċetta s-sorpriża u ffaċċjati minn diversi sorpriżi anke l-Appostli ġew flimkien, iddiskutew u waslu fi qbil li jagħmlu pass ieħor li Alla ried minnhom”.
Il-Papa Franġisku kompla jgħid li “Sa minn żmien il-profeti sal-lum, id-dnub li nirreżistu lill-Ispirtu s-Santu minn dejjem kien hemm. Dan hu d-dnub li bih Stiefnu akkuża lis-Sinedrin ‘intom u missirijietkom dejjem irreżistejtu lill-Ispirtu s-Santu’. U dawn weġbuh li dejjem hekk għamlu u hekk għandu jsir. L-Appostli qalu lil Pietru biex ma jagħmilx affarijiet ġodda, biex jibqa’ kalm u hekk sikktu il-vuċi ta’ Kristu.  Imma fis-salm Alla jkellem lill-poplu u jgħidlu ‘Twebbsux qalbkom bħal missirijietkom’,” kompla il-Papa.
Il-Papa kkritika lil dawk li jgħidu li l-affarijiet dejjem saru b’ċertu mod u għandhom jibqgħu hekk. Dawn ikunu qed jirreżistu lill-Ispirtu s-Santu li dejjem ħadem bil-quddiem u mexxa l-Knisja. “Irridu nitolbu lill-Ispirtu biex jgħinha nagħmlu dixxerniment kif għamlu l-Appostli.  Il-Fidi qatt tinbidel. Dejjem l-istess. Imma titwessa’ u tikber.
Għalhekk il-Papa appella biex nitolbu għall-grazzja tad-dixxerniment biex ma niżbaljawx it-triq u nibqgħu mjassara fir-riġidita u nagħlqu qlubna.