“Ma nippreġudikawx il-futur ta’ uliedna b’ċertu stil ta’ politika”

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro-Preca appellat biex ma nħallux ċertu stil ta' politika jippreġudika l-futur ta’ uliedna.
Irreferiet ukoll għal xi kummenti li rat fuq il-mezzi soċjali fejn saħansitra nies tal-istess familja spiċċaw jitgħajjru minħabba politika.
Waqt intervent fil-programm Newsbook fuq RTK dalgħodu, il-President qalet li bilfors ħasset il-ħtieġa li tiġbed l-attenzjoni tal-politiċi tagħna biex jaġixxu b’mod aktar rispettuż.
Spjegat li minkejja li f’demokrazija l-argumenti politiċi u l-protesti huma kollha proċessi naturali, irridu wkoll niftakru li aħna Maltin l-ewwel u qabel kollox.
Qalet li dan huwa importanti sabiex il-kunflitti ma jitħallewx iħarbtu s-soċjetà mis-sisien. Dan jista’ jsir permezz ma nħallux dawn il-kunflitti jinfirdu.
Il-President Coleiro-Preca sostniet li jekk il-pajjiż se jibqa’ għaddej b’politika ta’ ċertu stil, dan jista’ jwassal biex jaqta’ qalb persuni validi milli jidħlu fil-politika.
Fakkret fis-snin mgħoddija, Malta għaddiet minn żmenijiet koroh.
Qalet li dawn it-tip ta’ sfidi ma jingħelbux minn partit politiku waħdu.
Meta mistoqsija dwar jekk sarux xi laqgħat minn wara l-kwinti politiċi, qalet li l-laqgħat isiru dejjem.
Semmiet kif se tieqaf hawn għalissa imma temmen li l-messaġġ qed twasslu għaliex hija persuna diretta.
Fil-blogg tiegħu, Jes Saliba qabbel dan il-messaġġ tal-President ma' "omm li ċċanfar liż-żewġ uliedha kbar". 
L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ingħaqdu mal-President ta’ Malta, Marie Louise Coliero Preca, fit-tħassib tagħha għas-sitwazzjoni ta’ bħalissa f’Malta.