“Ma nippermettix lill-Gvern jibqa’ għaddej minn fuq il-morali Kristjani” – Delia

Waqt id-diskors tiegħu ġewwa s-Siġġiewi, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia rringrazza lis-Siġġiwin li kienu hemm għalih u għall-familja tiegħu anka fl-aktar mumenti diffiċli. Hu qal li din hija d-definizzjoni ta’ soċjetà li jimpurtaha.

Id-drawwiet, l-użanzi u l-fidi huma dawk li jagħmluna Maltin. M’hemmx għaliex naħsbu li fid-dinja moderna m’hemmx lok li nuru t-twemmin reliġjuż tagħna. Delia qal li huwa l-PN li jħaddan il-valuri demokristjani u mhux se jippermetti lill-Gvern jibqa’ għaddej minn fuq il-valuri u l-morali tat-twemmin Kristjan.

Il-Gvern mhux jagħti każ lin-negozjant iż-żgħir. Delia qal li dar ‘il fuq minn 2000 negozju żgħir u kollha qalu li mhux veru li n-negozju sejjer tajjeb.

Dwar ir-rapport li ħareġ dwar l-Air Malta, Delia qal li Konrad Mizzi qed jidħak bin-nies. Mizzi qabad id-djun tal-kumpannija u tefagħhom f’isem kumpannija oħra. Iżda ftit ġranet biss wara li ħabbar dan il-profitt, irriżulta li kien hemm dejn ta’ €15-il miljun fl-Enemalta.

Il-Ministru Scicluna, il-Ministru tal-Finanzi qal li kien hemm surplus ieħor. Delia qal li dak li suppost kellu jkun surplus, kien deficit. Hu tenna li lil dawn in-nies ma nistgħux nibqgħu nafdawhom biex imexxu lil Malta. Dan il-qerq qed ikollu konsegwenzi kbar fuq Malta. Il-Prim Ministru għandu ċans sa Lulju biex Malta ma titpoġġiex fuq il-Lista s-Sewda. Delia qal li l-Gvern mhux jagħti każ ta’ dan u mhux jieħu passi biex jirrimedja dan kollu.

Il-Gvern m’hu jagħti l-ebda sors ta’ tagħma għaż-żgħażagħ. Skont Delia, iż-żgħażagħ qed iħarsu lejn pajjiżi barranin biex isibu futur. Hu tenna li ż-żgħażagħ iridu jingħataw l-aqwa edukazzjoni filwaqt li l-anzjani wkoll iridu jingħataw rikonoxximent ta’ dak kollu li għamlu. Delia saqsa; x’tagħma għandna biex il-pajjiż jieħu r-ruħ? Delia qal li l-PN irid juri li huwa l-partit li jemmen f’pajjiżna, u jqum għall-okkażjoni għal darba oħra. Huwa ħeġġeġ lill-poplu biex joħroġ mid-dar u sitt ġimgħat oħra jivvota mhux għall-PN iżda għall-pajjiż.

F’reazzjoni għad-diskors ta’ Adrian Delia, il-Partit Laburista qal li d-diskors ta’ Delia huwa riflessjoni ta’ partit mifrud u li jipprova jgħaqqdu billi jkun negattiv. Il-Partit Laburista qal li wieħed mid-deputati tal-Partit Nazzjonalista ddiskriva din l-attitudni bħala “borġ ġebel” kien “borġ ġebel” għadu.

Il-Partit Laburista qal li b’kuntrast ma’ dan il-pajjiż qed ikompli jissaħħaħ minkejja l-oppożizzjoni distruttiva.