Filmat: “It-telfiet tal-PN ma bdewx miegħi” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li t-telfiet tal-PN ma bdewx miegħu, imma kienu ilhom ġejjin snin twal.

Waqt intervista fuq 103 Malta’s Heart mal-Prof. Andrew Azzopardi, Adrian Delia tkellem fuq id-deċiżjoni tiegħu biex ma jirreżenjax, fuq il-qagħda tal-Partit Nazzjonalista u t-tiġrija bejnu u bejn Bernard Grech għal Kap tal-Partit fl-elezzjoni li se sseħħ fit-3 t’Ottubru.

Mistoqsi fuq it-telfiet li ilu jġarrab il-Partit Nazzjonalista f’elezzjonijiet varji, Delia insista li jekk wieħed ikun onest dwar din, jintebaħ li dawn it-telfiet ma bdewx miegħu, meta laħaq Kap hu fl-2017, imma kienu ilhom ġejjin snin twal. Huwa fakkar lill-intervistatur li hu għadu ma kienx Kap waqt elezzjoni ġenerali u ta x’jifhem li li kieku kellu jkun, l-istorja tkun waħda differenti.

Il-fiduċja ta’ Delia f’rebħa Nazzjonalista
Filmat: Ma naħsibx li se nitilfu l-elezzjoni li jmiss – Delia

Delia tkellem fuq it-tesserati li eleġġewh tliet snin ilu għax emmnu fih. Qal li minkejja dak kollu li kellu jikkumbatti, ma rreżenjax mill-kariga biex jonora l-wegħda li għamlilhom meta ġie elett li jwassalhom sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. Stqarr li wegħedhom il-bidla u jrid jonora dik il-wegħda. Qal li l-fatt li tilef l-appoġġ ta’ membri fil-Kumitat Eżekuttiv, fil-Kumitat Amministrattiv u fil-Kunsill Ġenerali tal-PN, ma jirriflettix il-vot tat-tesserati, peress li dawn huma strutturi li huma ffurmati mill-istess gruppi ta’ nies li jriduh jirreżenja.

Huwa semma wkoll xi wegħdiet li għamel lill-membri tal-partit, pereżempju li mhux beħsiebu jibqa’ jbigħ il-każini tal-PN, imma li jara kif joħloq sorsi ta’ dħul differenti. Spjega li mill-każini tal-PN, il-partit kien jiġġenera medja ta’ €16,000 sa €18,000 fis-sena, imma issa rnexxielu jiġġenera madwar €120,000 sa €150,000 fis-sena, li eventwalment se jiżdiedu għal €250,000 fis-sens fi dħul mill-kirjiet.

Il-Kap tal-PN ammetta mill-ġdid li żbalja meta ddeċieda li Simon Busuttil għandu jkun sospiż mill-Grupp Parlamentari tal-PN. Stqarr li kien diġà ammetta l-iżball tiegħu, u li ma jixtieqx jiddiskuti affarijiet li huma fil-passat. Jippreferi jiffoka fuq kwistjonijiet importanti fuq livell nazzjonali għas-salvagwardja tal-governanza tajba.

Mill-ġdid, qal ukoll li membri parlamentari li kienu qegħdin jaħdmu kontrih fl-aħħar snin ma jkollhomx post fix-Shadow Cabinet tiegħu jekk jerġa’ jiġi elett bħala Kap tal-Partit.

Delia rrefera wkoll għar-rapport tad-diliġenza li sar dwaru u dwar Bernard Grech bħala kandidati fl-elezzjoni għal Kap. Iddiskuta wkoll l-immigrazzjoni, u qal li n-nies li jfittxu l-ażil għandhom kull dritt li jgħixu b’mod dinjituż u m’għandhomx jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena f’postijiet iffullati żżejjed. Semma wkoll il-kwistjonijiet f’lokalitajiet bħall-Ħamrun, il-Marsa u San Pawl il-Baħar, li ġieli rrefera għalihom bħala ghettos.

Andrew Azzopardi on 103 jixxandar kull nhar ta’ Sibt fl-10am fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart u aktar tard fuq Newsbook.com.mt.