Read in English.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ma jiħux gost jara oppożizzjoni maqsuma internament, b’referenza għall-Partit Nazzjonalista.
Abela qal dan waqt kollegament telefoniku ma’ One Radio.
Robert Abela qal li s-sitwazzjoni ta’ bħalissa fil-PN kienet ħasra għaliex Malta jixirqilha oppożizzjoni b’saħħitha. Qal li hemm fazzjoni fil-PN li ma tridx taċċetta dak li ddeċidew dwaru t-tesserati.
Każ li ġab dieq fil-poplu – Abela
Mistoqsi dwar il-qtil ta’ mara f’Ħaż-Żabbar, Abela qal li dan kien każ sensittiv li ġab dieqa fil-poplu Malti. Saħaq li l-problema ta’ vjolenza domestika ilha tinħass. Qal li huwa diffiċli li wieħed jindirizzaha peress isir fis-skiet tad-dar. Spjega li l-vittmi jkollhom diffikultà jitkellemu għax jaf jiġu umiljati.
Abela ħabbar li Audrey Friggieri se tkun qed tinħatar bħala l-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u l-Vjolenza domestika.
Fi kliem il-PM din mhix ġlieda faċili imma li jekk ma jsirx impenn kontra l-problema jżidiedu aktar inċidenti.
Inċidenti tal-kostruzzjoni
Abela tkellem ukoll dwar xi inċidenti li ġraw fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Qal li mhux aċċettabli li wieħed ikun għall-kwiet f’daru u jrid jispiċċa joħroġ jiġri ‘l barra minħabba xi incident. Wara, dak li jkun jaf jagħmel xhur bla dar.
Spjega li għall-Gvern, dan mhux aċċettabli. Żied jgħid li għalkemm din tkun sitwazzjoni li l-Gvern ma jkollux tort fiha, il-Gvern xorta se jkollu rwol.
“Mhux qed ngħid li l-Gvern se joqgħod lura u ma jagħmel xejn,” qal Abela. Żied jgħid li qed jistenna soluzzjonijiet konkreti mingħajn il-kuntratturi involuti fl-inċidenti u li jekk ma tinstabx alternattiva l-Gvern se jkompli jsegwi l-każ. Skont Abela l-affarijiet iridu jsiru b’serjetà u dixxipplina.
Mhux kulħadd qed ilaħħaq mal-kirjiet – Abela
Il-mexxej Laburista qal li mhux kulħadd jirnexxielu jlaħħaq mal-krijiet. Jemmen li kulħadd għandu jkollu saqaf fuq rasu. Fakkar fi proġett li għadu kemm tlesta fil-Belt Valletta fejn 11-il appartament se jkunu qed jintużaw għall-akkomodazzjoni.
Abela qal ukoll li l-Gvern tiegħu jrid jagħti priojrità lill-ambjent. Tkellem dwar l-iżvilupp sostenbbli u proġetti dwar bastimenti li jniġġsu inqas fil-port tal-cruise liners.