“Ma niftakarnix nagħti pariri lill-PM quddiem Schembri” – L-AĠ

L-Avukat Ġenerali Peter Grech qal lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li żaret Malta f’Diċembru li ma jiftakrux jagħti pariri legali lill-Prim Ministru Joseph Muscat fuq l-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia quddiem l-eks Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri.

F’dokument ippubblikat mill-Parlament Ewropew ilbieraħ, Grech huwa kkwotat jgħid li hu iżjed jaħdem mal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici. Qal li li kieku ta pariri lil Muscat, dawn kienu jkunu miktubin. Il-laqgħat tal-AĠ mal-Prim Ministru fuq l-investigazzjoni kienu limitati, skont Grech.

Fil-laqgħa tiegħu mad-delegazzjoni li ntbagħtet mill-Parlament Ewropew bejn it-2 u l-4 ta’ Diċembru biex tassessja s-sitwazzjoni f’Malta, l-Avukat Ġenerali spjega lill-MEPs kif taħdem il-liġi Maltija, biex Keith Schembri nħeles daqshekk malajr wara li ġie arrestat. Spjega wkoll kif Melvin Theuma ngħata maħfra presidenzjali u Yorgen Fenech ma ngħatax. Id-delegazzjoni staqsietu dwar l-assi ta’ Fenech, u Grech qalilhom li dawn jistgħu jiġu ffriżati jekk il-Qorti tiddeċiedi dan.

Parti mid-diskussjoni ffukat ukoll fuq is-separazzjoni tal-irwoli tal-Avukat Ġenerali, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja.

Id-delegazzjoni kienet ikkonkludiet li l-Prim Ministru missu jirreżenja minnufih, u mhux jistenna sa Jannar. Sophie In’t Veld, li kienet qed tmexxi l-ħidma ta’ jumejn tad-delegazzjoni f’Malta, kienet qalet li ma ħassithiex li tista’ sserraħ moħħha wara l-laqgħa li kellha ma’ Muscat u mal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.

“L-investigazzjoni mxiet sew grazzi għal xi deċiżjonijiet tiegħi” – Il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal lid-delegazzjoni li l-investigazzjoni ħadet spinta ‘l quddiem grazzi għal xi deċiżjonijiet politiċi konxji tiegħu, bħal meta aċċetta l-għajnuna tal-FBI biex jissolva l-każ, u meta ħa l-parir tal-Avukat Ġenerali u tal-Pulizija b’rabta mal-maħfra presidenzjali.

Fl-istess laqgħa, il-Prim Ministru qal li waħda mir-raġunijiet għaliex ħabbar ir-riżenja tiegħu hija n-nuqqas ta’ fiduċja mill-pubbliku. Huwa ċaħad li qatt kellu aċċess għall-evidenza miġbura mill-awtoritajiet li qed jinvestigaw il-każ.

“Malta jixirqilha aħjar” – Il-President

Il-President fetaħ il-laqgħa tiegħu mad-delegazzjoni billi qalilhom li Malta jixirqilha aħjar mis-sitwazzjoni li tinsab fiha. Huwa spjegalhom li kellu jkun kawt fil-kliem li juża u l-messaġġi li jgħaddi, peress li huwa żmien ta’ tensjoni u ried kemm jista’ jkun ma jidhirx partiġġjan.

Qalilhom li qed jipprepara messaġġ għall-pubbliku dwar l-importanza tal-għaqda, u eventwalment dan il-messaġġ ixxandar f’Jum ir-Repubblika. Fl-istess messaġġ, il-President qal li Malta hija akbar mill-klikka li ġabet dan l-għajb.

Id-delegazzjoni ltaqgħet ukoll mal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, mal-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, mal-Ombudsman, mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, mal-Kamra tal-Avukati, mal-ġurnalisti u mal-attivisti.