“Ma niflaħx aktar” – in-nota li kitbet fiż-żarbuna

Tfajla li ħasset kollox imur kontriha kienet lesta li tikkommetti suwiċidju. Hi marret ġol-ġnien tal-Argotti fil-Furjana u kitbet nota li kienet se tħalliha fiż-żarbuna. Fiha kitbet “ma niflaħx aktar”. Hekk kif tbaxxiet biex titfa’ n-nota fiż-żarbuna lemħet karta bin-numru ta’ Crisis Resolution Malta (99339966), l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum.

Din l-istorja rrakkuntaha Dr Mark Xuereb, il-konsulent tal-kriżijiet, u mexxej ta’ Crisis Resolution Malta waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-jum iddedikat għall-prevenzjoni tas-suwiċidju.

Dr Xuereb spjega li għadda ż-żien ta’ stennija u issa wasal għaż-żmien li tittieħed azzjoni aktar immedjata. Irrimarka li mill-bidu ta’ Crisis Resolution Malta, jiġifieri tmien snin ilu, irnexxielhom isalvaw medja ta’ 60 persuna u għaldaqstant qed jissieltu sabiex in-numru tagħhom jiġi numru nazzjonali bil-għajnuna tal-awtoritajiet kollha kkonċernati, inkluż il-Gvern, il-Pulizija, ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, il-midja u oħrajn.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm it-tim ta’ Crisis Resolution Malta li appellaw sabiex kulħadd jissieħeb magħhom. Ġie spjegat li meta wieħed jieħu biss minuta mill-ħin tiegħu biex jisma’ lil xi ħadd li jkun qed jaħseb biex jikkommetti suwiċidju, diġà jkun qed jagħmel ħafna biex il-ħajja tal-persuna tiġi salvata. Dr Xuereb insista li hemm bżonn li n-numru jkompli jinfirex mal-Gżejjer Maltin.

Waħda mix-xewqat ta’ Crisis Resolution Malta tibqa’ li jkun hemm crisis team attrezzat u bbażat fl-Isptar Mater Dei. Sostna li dan huwa parti sostanzjali mill-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju li sostna hemm bżonn tiġi implimentata fil-pajjiż.

Kif tinduna li persuna qiegħda f’riskju li tagħmel suwiċidju?

L-Għaqda Psikoloġika Amerikana (APA) s-sena l-oħra ħarġet b’erba’ fatturi li juru lill-persuni qrib iż-żgħażagħ li wieħed qiegħed f’riskju li jweġġa’ lilu nnifsu jew li jikkommetti suwiċidju. Dawn il-fatturi huma:

1Il-burdata tinbidel.

2Il-persuna tqatta’ ħafna aktar ħin onlajn: ir-riċerka turi li persuna żagħżugħa ma għandhiex għalfejn tagħmel iktar minn sagħtejn fuq il-midja soċjali bla waqfien.

3Tibdil drastiku fl-apparenza: l-apparenza tal-persuna tinbidel. Wieħed jibda jieħu inqas ħsieb tiegħu nnifsu.

4Akkademikament wieħed jibda jmur lura bil-mod il-mod.

X’għandek tkun taf dwar Crisis Resolution Malta?

Dr Xuereb imexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum. Qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.

It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.

Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn. Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefown huma kollha professjonisti.

Il-maġġoranza tal-vittmi Maltin huma maskili

Fil-Jum Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li 88% tas-suwiċidji f’Malta jsiru mill-irġiel u mis-subien. Hija nkoraġġiethom biex ma jżommux lura milli jiftħu qalbhom u jfittxu l-għajnuna.

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-kwistjoni tad-dipressjoni qed tikber bi 18% kull 10 snin u 1 minn kull 4 persuni fid-dinja qed taffaċċja problemi ta’ saħħa mentali.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.