Read in English.
Claus-Peter Reisch, il-kaptan tal-bastiment Lifeline li nhar l-Erbgħa li għadda daħal l-Isla b’234 immigrant abbord, se jitressaq il-Qorti dalgħodu.
Reisch, Ġermaniż ta’ 57 sena, se jkun qed jidher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud wara diversi interrogazzjonijiet mill-Pulizija fil-jiem li għaddew. Jekk ma jitlax il-Qorti, jinħariġlu mandat ta’ arrest.
Fost l-oħrajn hu se jiġi akkużat li injora struzzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani li jikkordinaw il-ħidmiet ta’ salvataġġ fil-Mediterran, li talbuh imur lura l-Libja, li saq bastiment mhux reġistrat u li daħal bla permess fl-ibħra territorjali Maltin.
Dwar dawn l-allegazzjonijiet, il-kofundatur tal-Mission Lifeline Axel Steier insista kemm-il darba li l-bastiment ingħata l-permess li jidħol f’Malta fis-27 ta’ Ġunju u li kien irreġistrat fin-Netherlands biex jintuża għas-salvataġġ.
“L-ebda sens ta’ ħtija li salvajna 234 persuna” – il-kaptan
Fi stqarrija, il-kaptan innifsu qal li filwaqt li hu se jitressaq il-Qorti, jinsab b’kuxjenza nadifa li flimkien mat-tim tiegħu salva 234 persuna mill-għarqa. Saħaq li dwar dan m’għandu l-ebda sens ta’ ħtija.
“Min isalva l-ħajjiet m’għandux jitressaq il-Qorti” – voluntiera
Għadd ta’ voluntiera minn madwar id-dinja qed jesprimu solidarjetà qawwija ma’ Reisch u qed jisħqu li min jipprova jsalva l-ħajjiet m’għandu qatt jitressaq il-Qorti.
Intant, filwaqt li l-bastiment MV Lifeline jinsab issekwestrat mill-awtoritajiet Maltin, il-voluntiera tal-Mission Lifeline qed jissoktaw bil-preparamenti għall-missjoni ta’ salvataġġ li jmiss.